Madwar 95,000 familja b’total ta’ 194,000 persuna se jirċievu l-ewwel minn żewġ pagamenti dovuti tal-Benefiċċju Addizzjonali kontra l-Għoli tal-Ħajja fi tmiem din il-ġimgħa.
Il-pagament, li jkopri mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, b’kollox ilaħħaq €14.7 miljun, filwaqt li t-tieni pagament, li jkopri it-tieni nofs tas-sena 2024, jitħallas f’Mejju li ġej. Aktar minn nofs (53%) ta’ dawk il-benefiċjarji ta’ dan il-pagament mhumiex f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musu. Matulha kien spjegat kif dan il-pagament huwa bbażat fuq mekkaniżmu ta’ kumpens addizzjonali għall-għoli tal-ħajja aġġustat skont id-dħul tal-familji u n-numru tal-membri fil-familja tagħhom jgħixu fl-istess residenza.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi dan il-benefiċċju se jkun ta’ bejn €100 u €1,500 fis-sena, liema rati jvarjaw skont id-dħul u l-membri fil-familja, u qal illi b’kollox din l-għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja mistennija taqbeż it-€30 miljun is-sena d-dieħla.
“Qed ninċentivaw lin-nies u nagħmlu dan fi sfond fejn pajjiżna għandu l-akbar rata ta’ nies f’impjieg u l-anqas rata ta’ qgħad, l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropeja kollha, u l-ikbar xibka ta’ miżuri soċjali. Madanakollu, aħna nifhmu r-realtajiet soċjali tal-mument u għalhekk komplejna nsaħħu l-qagħda tal-familji tagħna,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Fi preżentazzjoni dettaljata, is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega diversi livelli ta’ dħul differenti ta’ persuni illi se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju.
Dħul disponibbli (wara l-ħlas tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet) skont id-daqs tal-familja | € |
Familja b’persuna waħda | 18,155 |
Familja b’żewġ persuni | 27,233 |
Familja bi tlett persuni (wild taħt l-14-il sena) | 32,679 |
Familja bi tlett persuni (wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 36,310 |
Familja b’erba’ persuni (2 itfal taħt l-14-il sena) | 38,126 |
Familja b’erba’ persuni (wild taħt l-14-il sena + wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 41,757 |
Familja b’ħames persuni (3 itfal taħt l-14-il sena) | 43,572 |
Familja b’ħames persuni (2 itfal taħt l-14-il sena + wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 47,203 |
Familji oħra/akbar | 50,000 |
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega illi mhux biss familji f’riskju ta’ faqar jew vulnerabbli qed jibbenefikaw, iżda wkoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà. Tant illi skont l-aħħar ċifri tal-NSO dwar id-dħul tal-familji, madwar 44,000 familja jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar. Minn dan il-benefiċċju iżda se jkunu qed jibbenefikaw b’kollox madwar 95,000.
Dan ifisser ukoll li 30% tal-familji li ħadu dan il-benefiċċju (kważi 50,000) mhumiex f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, u xorta waħda qed jiġu mgħejuna b’dan il-benefiċċju.
Minn dawk li qed jirċievu l-pagament dovut fi tmiem din il-ġimgħa, 37,748 huma persuni single, 17,881 koppji u 36,735 familji bit-tfal.