Friday, May 3, 2024

MALTA GĦAL LIVELLI ĠODDA FIL-QASAM TAD-DIMENSJA

Strateġija Nazzjonali għal titjib sinifikanti fil-kwalità tas-servizzi u fil-ħajja tal-persuni li jgħixu bil-kundizzjoni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Żieda fl-għarfien, prevenzjoni, miżuri ta’ prekawzjoni, djanjosi u kura bikrija, għajnuna, riċerka, sistema ħolistika, flimkien ma’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ huma fost il-punti ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja għall-Gżejjer Maltin 2024 – 2031: “Nilħqu Livelli Ġodda” imħabbra mill-Ministru tas-Saħħa u Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela. Flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, il-Ministu Abela qal li l-għan u l-viżjoni ta’ din l-istateġija huma li ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tas-servizzi u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni f’pajjiżna li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Mifruxa fuq is-seba’ snin li ġejjin, din l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja 2024-2031 se tgħin kemm lill-persuni bid-dimensja, kif ukoll lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Dan permezz tat-tibdil meħtieġ fis-soċjetà tagħna, fil-policies, kif ukoll fis-servizzi offruti. Din hija kontinwazzjoni tal-ewwel strateġija nazzjonali u tibni fuq il-progress li diġà sar matul l-implimentazzjoni tagħha.
Fil-proċess saret analiżi tal-objettivi implimentati u twettqet ukoll riċerka dwar prattiċi ġodda bbażati fuq l-evidenza. Mill-evalwazzjoni ġew identifikati diversi oqsma ta’ azzjoni li se jwasslu biex pajjiżna jilħaq livelli ġodda f’dan is-settur ta’ kura tant importanti.

L-oqsma ta’ prijorità identifikati f’din l-istrateġija huma seba’ u jinkludu:

  • Żieda fl-għarfien dwar id-dimensja billi titjieb l-inklussività u l-aċċessibbiltà fil-komunità bil-għan li jiżdiedu l-opportunitajiet għas-saħħa, l-involviment u s-sigurtà għal kulħadd;
  • Jitnaqqas ir-riskju li persuna tiżviluppa d-dimensja billi jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, bħalma huma ż-żieda fl-attività fiżika, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-obeżità, il-promozzjoni ta’ dieta bilanċjata u tajba għas-saħħa, il-waqfien mit-tipjip u l-konsum tal-alkoħol, l-involviment f’attivitajiet soċjali, il-promozzjoni ta’ attivitajiet li jistimulaw l-aspett konjittiv tal-individwu, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-dijabete, il-pressjoni u d-dipressjoni;
  • Tingħata dijanjosi bikrija biex l-individwi jkunu jistgħu jippjanaw il-kura u jieħdu deċiżjonijiet legali waqt li jkunu għadhom kapaċi jieħdu deċiżjonijiet importanti;
  • Jitnissel approċċ pożittiv iffokat fuq għajnuna lejn persuni bid-dimensja u l-familji tagħhom li jippermettilhom jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba;
  • Jitjiebu l-opportunitajiet edukattivi u l-programmi ta’ taħriġ biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-persuni li jaħdmu ma’ individwi bid-dimensja biex b’hekk jingħata servizz ta’ kwalità għolja;
  • Tissaħħaħ is-sistema ta’ kura ħolistika li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru tal-pjan ta’ kura;
  • Isir progress fil-qasam ta’ prevenzjoni, dijanjosi, trattament u kura tad-dimensja permezz ta’ riċerka dwar il-kundizzjoni.

Barra minnhekk, il-Ministru Jo Etienne Abela ħabbar li se jitwaqqaf Kumitat Inter-Ministerjali, immexxi mill-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva, biex jikkordina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija. Dan se jiżgura li l-azzjonijiet identifikati fis-seba’ taqsimiet jiġu implimentati b’mod effettiv u effiċjenti.

Il-kumitat se jara wkoll li persuni bid-dimensja, dawk li jieħdu ħsiebhom u membri tal-familja tagħhom ikunu inklużi fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

L-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja għall-Gżejjer Maltin, tista’ titniżżel minn: https://aacc.gov.mt/wp-content/uploads/2024/02/Final-Version-Dementia-Strategy-06-Feb-2024.pdf

Sport