Sunday, February 22, 2026

2 minn kull 3 persuni daħlu l-Belt Valletta fi żmien il-Milied

F’Diċembru li għadda 80 fil-mija tan-negozji fil-Belt Valletta għamlu iżjed dħul jew għamlu daqs is-sena ta’ qabel

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ppubblikat il-Programm Kulturali tagħha għall-2026, u b’hekk qiegħda twitti t-triq għal sena oħra ta’ avvenimenti mill-aqwa fil-kapitali. It-tnedija saret flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ riżultati ġodda ta’ stħarriġ ta’ Prof. Vincent Marmara, li jikkonferma s-suċċess dejjem jikber tal-Belt Valletta, bi tnejn minn kull tlieta li wieġbu, żaru l-Belt Valletta fi żmien il-Milied. Aktar minn 66% ta’ dawk li wieġbu kkonfermaw li żaru l-belt f’Diċembru b’aktar minn nofshom iżuruha darbtejn jew tliet darbiet.

Sadanittant, 80% tan-negozji tal-Belt Valletta rrappurtaw dħul miżjud jew stabbli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-maġġoranza assoluta tan-negozji ddikjaraw li l-programm Christmas in the Capital tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għen lin-negozji tagħhom. Dan huwa vot ta’ fiduċja b’saħħtu fil-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li jippromwovi l-vibranza kulturali.

F’kumment li ta lil IT-TOR!ĊA, iċ-Cermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li, “r-riżultati tal-istħarriġ juru b’mod ċar li l-Belt Valletta tkompli tirreżona b’mod qawwi mal-pubbliku, b’aktar minn 66 fil-mija jżuru l-kapitali f’Diċembru li għadda biss. Dan is-suċċess jirrifletti l-fiduċja dejjem tikber fil-viżjoni kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u jsaħħaħ l-impenn tagħna li ninvestu fi programm li jżomm lill-Belt Valletta vibranti, rilevanti u ħajja s-sena kollha u li jkompli jwassal għal aktar riġenerazzjoni soċjali kulturali u ekonomika fil-Belt Valletta.”

Riżultati b’saħħithom bi tħejjija għall-Programm Kulturali tal-2026 tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta b’Investiment ta’ €4.5 Miljun

Il-programm ta’ attivitajiet kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ta’ din is-sena b’investiment ta’ €4.5 Miljun se jkun qed jonora kalendarju ta’ attivitajiet kulturali tal-massa u oħrajn li issa hi magħrufa għalihom l-Aġenzija.

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, fi Pjazza San Ġorġ se tittella’ l-installazzjoni tradizzjonali impressjonanti li tinkludi mijiet ta’ fjakkoli, u toħloq atmosfera ta’ riflessjoni fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. 

Mit-30 ta’ April sal-10 ta’ Mejju se tittella’ t-12-il edizzjoni tal-Valletta Green Festival. Din is-sena akbar minn qatt qabel b’installazzjonijiet artistiċi ta’ fjuri li se jibdew mid-daħla tal-Belt Valletta sa Pjazza San Ġorġ. Fi Pjazza San Ġorġ imbagħad se jinbena mill-ġdid il-ġnien tal-ħolm bl-akbar attrazzjoni tkun l-ispeċi differenti ta’ siġar, arbuxelli u fjuri differenti.

Fost produzzjonijiet ġodda ta’ din is-sena hemm mistenni ħafna il-kunċert L-Aqwa 20 tal-Maltin. Dan il-kunċert se jsir grazzi għall-votazzjoni qawwija mill-pubbliku Malti għall-aqwa 20 kanzunetta Maltija ta’ bejn 1975-2005.

Fis-27 ta’ Ġunju, Opera in the Capital jirritorna bħala wieħed mill-proġetti ewlenin tal-programm. Bejn it-3 u l-5 ta’ Lulju se tittella’ l-5 edizzjoni tal-Valletta Local Food Festival li se jkompli jibni fuq is-suċċess tas-snin ta’ qabel, billi jiċċelebra l-wirt kulinari għani Malti. Għal darb’oħra dan il-festival se jkun qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Malta Food Agency u se joffri għażla ta’ prodotti lokali u togħmiet tradizzjonali, billi jlaqqa’ flimkien koki, artiġjani tal-ikel u produtturi ta’ firxa wiesgħa ta’ oġġetti kulinari inkluż ġobnijiet, chutneys, pasti, ħelu u xorb, filwaqt li jerġa’ jagħti ħajja lil prodotti bażiċi mill-passat bil-għan li nippreservaw il-wirt kulinari tagħna.

Il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju jirritorna bil-kbir l-avveniment ta’ kull sentejn Valletta Pageant of the Seas bi spettaklu uniku u mill-isbaħ fil-Port il-Kbir.

Mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru, se jkun hemm il-programm speċjali Christmas in the Capital, li ta’ kull sena qed joħloq atmosfera unika fil-Belt Valletta, u jilħaq il-qofol tiegħu biċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Sadanittant, mill-4 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Jannar, l-Aġenzija tippreżenta Between Two Points, wirja ta’ xogħlijiet artistiċi ta’ Paul Camilleri.

Il-Valletta Design Cluster imbagħad ikompli jgħaqqad l-arti u d-disinn, billi jistieden disinjaturi ġodda, studenti, u professjonisti tal-industrija biex jipparteċipaw f’sensiela ta’ workshops, korsijiet, attivitajiet komunitarji, u aktar. Fil-qalba ta’ dan il-programm hemm Tinkering Day bil-parteċipazzjoni ta’ Eco Market, is-serje The Art of Making u sessjonijiet immexxija minn membri tal-istudjo, fost avvenimenti oħra.

Ta’ min ukoll li wieħed isemmi li bejn il-11 ta’ Marzu u d-29 ta’ Mejju l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed tipparteċipa fit-2 edizzjoni tal-Malta Bieannle 26 permezz ta’ installazzjonijiet tad-dawl fi Triq Melita u Triq ir-Repubblika.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali tagħha, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport