Kienu telqu minn Zawiya proprju nhar it-Tlieta. Il-baħar kien qawwi u d-dgħajsa kienet f’diffikultajiet. Ġew salvati proprju mill-Forzi Armati ta’ Malta u ddaħħlu f’pajjiżna nhar l-Erbgħa li għaddew. Kien hemm b’kollox għoxrin immigrant. Skont qraba ta’ wieħed minn dawk abbord is-sitwazzjoni f’nofs ta’ baħar kienet waħda ta’ kriżi. Dawk abbord kienu mis-Sudan, mill-Marokk u mill-Mali.
Li ġara imma li dan is-salvataġġ inżamm mistur għal kollox. Kien magħruf li d-dgħajsa telqet u għal xi mumenti jidher li l-kuntatt inqata’. Qraba wara ikkonfermaw li dawk abbord iddaħħlu Malta. L-istess qraba ikkonfermaw li dawn iddaħħlu f’pajjiżna.
Għaliex inżamm mistur?
Dan hu każ ta’ salvataġġ li inżamm mistur. Azzjoni li ma tistax ma tqajjimx mistoqsijiet. X’hemm x’tistħi li ssalva grupp ta’ immigranti Afrikani? Għaliex dan il-każ inżamm għal kollox moħbi u ma nħareġ l-ebda komunikat jgħid li dan il-grupp ġew salvati? Dawn huma grupp ta’ persuni vulnerabbli, li litteralment kienu qegħdin jaħarbu minn sitwazzjoni diffiċli fil-Libja. Għaliex qegħdin nistħu ngħidu li salvajna immigranti f’nofs ta’ baħar?
Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “llum hu fatt magħruf li s-salvataġġi f’nofs ta’ baħar, mhux isiru b’mod immedjat. Meta għaqdiet u rappreżentanti tagħhom iċemplu fiċ-ċentru ta’ kordinament mhux darba u ħafna drabi qegħdin jibqgħu bla sodisfazzjon. Isibuha anki diffiċli biex jaqbdu mal-istess ċentru u jikkomunikaw dak li jkunu jafu dwar dgħajjes fuq il-baħar. Jekk wieħed jara l-komunikati li nħarġu mill-Forzi Armati ta’ Malta dwar ħidmiet li wettqu fosthom salvataġġi fl-aħħar jiem, imkien ma jsib dan il-każ”.
L-istess sors qalilna li “hi tal-mistħija kif qegħdin nibqgħu naġixxu b’mod li nippruvaw naħbu dawn is-salvataġġi. Il-fatt li wieħed jaħbihom u ma’ dan ftaħir li ma daħlux immigranti jew ma ddaħħlux immigranti hawn, f’moħħ il-poplu ma jagħmel xejn għajr joħloq in-narrattiva ta’ ‘Black is Bad’. Narrattiva li fost sezzjonijiet tal-poplu tiltaqa’ magħha b’mod regolari hekk kif jaraw persuna Afrikana. Is-sitwazzjoni issa infirxet għal persuni barranin oħra. U watt li għandna din is-sitwazzjoni min f’pajjiżna suppost jitkellem, min suppost ikun voċiferu biex din is-sitwazzjoni tkun miġġielda jibqa’ sieket.
U ovvjament waqt li ma ngħidux li salvajt 20 persuna li kienu f’periklu, inkunu pronti kemm politiċi u anke istituzzjonijiet tal-gvern biex intellgħu immigranti immanettjati meta dawn jinqabdu f’xi spezzjoni. Iġibuhom qishom l-akbar kriminali, fejn kull ma jkunu qegħdin jagħmlu hu jaqilgħu lira biex jippruvaw jgħixu. Biex ma jiddependux fuq ħaddieħor. Biex iwettqu l-ħolma tagħhom li jkunu indipendenti u forsi jerġgħu jibdew jgħixu ħajjithonm. Biss dawn, insibuha komda inxandruhom. Inġibuhom immanettjati. Inġibuhom fi kju wara xulxin. U waqt li nagħmlu dan inħallu sezzjonijiet jispekulaw. Jirremettu li għandhom fl-istonku kontra dawn il-persuni.
95 persuna f’Ħal Far….50 fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far u 145 persuna f’Ħal Safi
Intant IT-TORĊA hi infurmata li waqt li bħalissa hemm 95 persuna li qegħdin jgħixu f’Ħal Far, hemm 50 persuna li qegħdin jgħixu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, u 145 persuna li qegħdin jgħixu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Safi. Jidher li f’diversi ċentri għaddejjin xogħlijiet qawwijin ta’ rinnovament.
Fi Sfax…..żona li fihom kines jgħixu l-immigranti tingħata in-nar
Intant proprju fl-aħħar jumejn, għadd ta’ immigranti li kienu qegħdin jgħixu f’żoni li tinsab mad war 20 kilometru bogħod minn Sfax sfaw attakkati u l-kampjijiet li kienu jgħixu fihom ingħataw in-nar. Jidher li ammont sew minnhom ħarbu u mhux eskluż li proprju fil-jiem li ġejjin, dawn jittantaw jaħarbu mit-Tuneżija permezz ta’ dgħajjes.
Bħalissa fiċ-ċentru tal-Mediterran lesti biex jgħinu jwettqu s-salvataġġi, hemm il-bastiment Astral u l-Aurora Sar.