Monday, April 29, 2024

20 immigrant ieħor rilokati f’pajjiż ieħor

Aqra wkoll

Saret ir-rilokazzjoni ta’ 20 immigrant ieħor li kienu waslu f’Malta b’mod irregolari.

Il-ħidma saret mill-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA).

Dan hekk kif qed tissokta l-ħidma fuq ix-xogħol li nbeda fix-xhur u s-snin li għaddew sabiex jiġu rilokati fi Stati Membri oħra, immigranti li waslu b’mod irregolari f’Malta. Din ir-rilokazzjoni saret permezz tal-Mekkaniżmu Volontarju ta’ Solidarjetà.

Il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol jsostni kif ir-rilokazzjoni hija l-aktar mod effiċjenti ta’ kif l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-isfidi li jiġu b’kawża tal-immigrazzjoni irregolari, b’attenzjoni partikolari fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta.

Filwaqt li dawk l-immigranti li ħaqqhom protezzjoni se jiġu megħjuna u jingħataw id-drittijiet kollha tagħhom skont il-liġi, dawk l-immigranti li ma ħaqqhomx protezzjoni, jew li jinsabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari, qed ikunu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Ħidmet il-Pulizija tal-Immigrazzjoni, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u dipartimenti oħra fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol se tibqa’ għaddejja f’dan ir-rigward.

Ir-rilokazzjoni hija kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea, taħt il-Fond għall-Ażil, Immigrazzjoni, u Integrazzjoni (AMIF).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport