Tuesday, November 26, 2024

20 sena ħabs għal pedoflu li ħataf tifla u abbużaha sesswalment fl-Iskozja

Aqra wkoll

Raġel ġie kkundannat 20 sena ħabs wara li nstab ħati bi ta’ ħtif u li wettaq atti sesswali fuq minorenni.

Andrew Miller, ta’ 53 sena li magħruf ukoll bl-isem Amy George, dakinhar li seħħ il-każ kien liebes ta’ mara meta waqqaf tifla li ma kienx jafha qabel u offrielha li jwassalha d-dar. Minflok, huwa ħadha f’daru u abbużaha ripetutament, bl-Imħallef fil-Qorti jiddeskrivi din l-esperjenza bħala “waħda mill-agħar esperjenzi li qatt jistgħu jgħaddu jimmaġinaw il-ġenituri fuq uliedhom”.

Il-Qorti semgħet kif Miller kien jinsab f’fażi tranżitorja biex jinbidel f’mara.

Fil-Qorti Superjuri ta’ Edinburgh, Miller wieġeb li hu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fejn apparti l-akkużi ta’ ħtif u stupru, huwa ġie mixli wkoll li ra filmati pornografiċi fil-preżenza ta’ minorenni ta’ inqas minn 13-il sena, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu 242 ritratt indiċenti tat-tfal.

Il-Prosekuturi qalu li lit-tifla żammha msakkra fid-dar tiegħu għal 27 siegħa sħaħ, fejn ripetutament kienet suġġetta għal abbuż sesswali mill-imputat u ġiet sfurzata biex tara filmati pornografiċi.

L-imputat qal li huwa kien offra li jwassal lit-tifla għax “bdiet itterter bil-bard” u żied jgħid li huwa kien ġegħelha torqod ħdejh bħala “użanza materna”.

Il-Qorti kompliet tisma’ kif it-tifla rnexxielha ssejjaħ għall-għajnuna tal-Pulizija waqt li Miller kien rieqed. 

Miller ġie kkundannat 20 sena ħabs u tmien snin oħra taħt superviżjoni fil-komunità. Ismu tpoġġa fuq ir-reġistru ta’ persuni li jkunu wettqu offiżi sesswali.

Huwa ħareġ mill-Qorti b’rasu baxxuta.

Sport