Fis-26 ta’ Diċembru 2004, terremot ta’ qawwa 9.1 kien laqat il-gżira ta’ Sumatra fl-Indoneżja, li ħoloq mewġ kbir li ħalla ħerba sħiħa fost il-komunitajiet kostali madwar l-oċean Indjan. Il-mewġ kien għoli sa 30 metru u qatel 227,899 ruħ madwar 15-il pajjiż fl-aktar tsunami fatali fl-istorja.
Madwar l-Asja saru ċerimonji biex jimmarkaw 20 sena mit-tsunami ta’ Boxing Day u jiftakru wkoll f’aktar minn 227,000 persuna li nqatlu fit-Tsunami tal-Oċean Indjan.
Fil-provinċja ta ‘Aceh fl-Indoneżja, l-agħar milquta, sirena daqqet għal tliet minuti fil-Moskea l-Kbira Baiturrahman nhar il-Ħamis, u wara sar talb Iżlamiku. Familji żaru oqbra tal-massa madwar Banda Aceh, il-kapitali provinċjali.
It-tsunami qatel aktar minn 160,000 ruħ fl-Indoneżja biss. L-iskala tad-diżastru fissret li ħafna familji qatt ma setgħu jidentifikaw il-katavri tal-maħbubin tagħhom.
Fis-Sri Lanka, fejn inqatlu aktar minn 35,322 persuna, se jsiru ċerimonji Buddisti, Hindu, Kristjani u Musulmani madwar il-pajjiż.
Il-familjari u l-qraba se jinġabru wkoll biex jitfakkru l-vittmi tad-diżastru tal-ferrovija Ocean Queen Express, li nqagħtet mill-binarji tagħha mill-mewġ tat-tsunami. Madwar 1,000 passiġġier kienu mietu abbord il-ferrovija ppakkjata. Dan kien l-agħar inċident ferrovjarju fid-dinja.
Skont id-dejta tal-Unesco, li tinkludi dawk mejta jew nieqsa, ġew irreġistrati fatalitajiet f’madwar 15-il pajjiż: fl-Indoneżja 167,540, is-Sri Lanka 35,322, l-Indja 16,269, it-Tajlandja 8,212, is-Somalja 289, Maldivi 108, il-Malasja 75, il-Mjanmar 61, il-Jemen 2, il-Bangladexx 2, Seychelles 2, it-Tanżanija 13, il-Kenja 1, il-Madagaskar 1 u l-Afrika t’Isfel 2.
Meta laqat it-tsunami, ma kien hemm l-ebda sistema avvanzata ta’ twissija bikrija fis-seħħ fl-Oċean Indjan tant li ħafna ma kellhomx idea ta’ x’qed jiġri hekk kif raw l-ilma jiżżerżaq mill-bajjiet u jirtira fl-oċean.
Saru sforzi minn gvernijiet u korpi internazzjonali, inkluża l-Unesco, biex inħolqu sistemi aħjar ta’ twissija bikrija. Issa hemm tliet sistemi ta’ twissija bikrija li jkopru l-Oċean Indjan, inkluż waħda fil-kapitali tal-Indoneżja, Jakarta, waħda bbażata madwar Melbourne u Canberra, l-Awstralja, u waħda f’Hyderabad, l-Indja.
Madankollu, l-esperti jgħidu li għad hemm lakuni fis-sistema, inkluż nuqqas ta’ sistemi ta’ monitoraġġ għat-tsunamis ikkawżati minn fatturi mhux siżmoloġiċi, bħal valangi taħt l-ilma. L-esperti jgħidu wkoll li hemm bżonn ukoll ta’ programmi edukattivi sostnuti f’komunitajiet f’riskju, biex jippreparaw għal diżastri futuri.