Somalu ta’ 27 sena ntbagħat 20 xahar ħabs effettivi wara li tressaq quddem il-Qorti fejn ammetta li wettaq erba’ serqiet mill-Ħamrun.
Mohamud Caw-Ali Abdikadir, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, kien mixli li fit-18 ta’ Lulju seraq tabakk mill-istabbiliment Alfons, li jinsab fi Triq Manuel Magri, u li fid-19 ta’ Lulju seraq mobile phone tal-għamla Xiaomi mill-istess stabbiliment.
Abdikar kien mixli wkoll li lbieraħ seraq mobile phone, basket, kartiera u flus kontanti minn ġewwa vettura fi Triq Pietru Xuereb u li seraq affarijiet elettroniċi mill-istabbiliment Best Value Bazaar li jinsab fi Triq Patri Magri.
L-Ispettur Wayne Camilleri spjega lill-Maġistrat Josette Demicoli, li quddiemha tressaq l-imputat, kif ilbieraħ persuna rat serqa ssir u baqgħet issegwi lis-suspettat. X’ħin il-Pulizija ġiet mgħarrfa b’dan, marret fuq il-post u hemm arrestat lir-raġel.
L-Ispettur Camilleri qal li minn aktar investigazzjonijiet li saru, irriżulta li kien hemm każi oħra ta’ serq allegatament imwettqa mill-istess persuna. Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, l-imputat ammetta għas-serqiet.
Huwa tressaq il-Qorti llum fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ntbagħat 20 xahar ħabs.
L-Avukat Leontine Calleja dehret għar-raġel.