Kappillan ta’ raħal intbagħat 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa lin-neputija tas-sagristan, li kellha 15-il sena. Isem il-kappillan u fejn seħħ il-każ ma jissemmewx fis-sentenza.
Il-kappillan kien mixli li nhar is-16 ta’ Ġunju 2017 u fix-xhur ta’ qabel ikkorrompa lill-minuri u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha.
F’Marzu li għadda kien instab ħati u kien ikkundannat tliet snin u sitt xhur priġunerija, bil-Qorti timponi prevenzjoni permanenti fuq l-imputat milli jeżerċita attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt dirett jew regolari ma’ minuri.
Il-kappillan kien appella mis-sentenza, bl-appell jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri. Fil-Qorti nstema’ kif fil-familja tal-parte civile kien hemm xi problemi ta’ separazzjoni u hija kienet tmur tkellem lil nannuh.
Minħabba li dan kellu xi problemi ta’ saħħa, il-kappillan offra li jisma’ l-problemi tal-parte civile. Wara xi ftit żmien żviluppat ħbiberija bejniethom sakemm il-parte civile meta kellha ftit aktar minn 15-il sena tatu bewsa fuq xufftejh.
Għal dan l-avveniment, l-appellant wieġeb u twieldet relazzjoni bejn it-tnejn liema relazzjoni kkumplikat ruħha meta l-appellant ipprova jwaqqafha. F’dak il-mument, il-parte civile allegatament bdiet theddu għax ma riditx li r-relazzjoni tispiċċa sakemm fl-aħħar, irrapportatu lill-Kurja li min-naħa tagħhom mexxew ir-rapport għand il-Pulizija.
Filwaqt li l-kappillan kien ammetta li mar fid-dar fejn kienet toqgħod il-parte civile fejn messew il-partijiet intimi ta’ xulxin, mill-provi ma rriżultax “li kien hemm xi forma ta’ attività amoruża li tinvolvi l-organi sesswali tal-partijiet.”
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnotat kif ir-relazzjoni ta’ bejn l-appellant u l-parte civile kienet waħda konsenswali u l-appellant għamel minn kollox biex itemm ir-relazzjoni.
Minkejja dan, il-Qorti saħqet ma tqisx ukoll il-fiduċja li s-soċjetà torbot ma’ saċerdot u r-rwol ta’ kappillan f’raħal, liema fiduċja “ġiet traduta mill-appellant!”. Minħabba f’dan il-Qorti qalet li ma tarax li f’dan il-każ kellha tagħti piena alternattiva bħal dik ta’ ordni ta’ probation jew servizz fil-komunità.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-appellant instab ħati biss li kkorrompa lit-tifla u minflok il-piena ta’ tliet snin u sitt xhur ħabs, kien ikkundannat 20 xahar priġunerija.