Ashraf Sultan ta’ 40 sena residenti ż-Żebbuġ Għawdex ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li ammetta li għamel ħsara fuq żewġ karozzi u weġġa’ lil sid ta’ waħda minnhom. Il-każ seħħ f’Mejju li għadda.
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi fosthom li għamel ħsara fuq fuq proprjetà ta’ ħaddieħor, weġġa’ persuna, kiser il-paċi pubblika u li għamel dan ir-reat waqt li kien taħt ordni ta’ libertà kundizzjonata u li hu reċidiv.
Il-każ li dwaru tressaq il-Qorti Sultan kien seħħ fil-11 ta’ Mejju li għadda meta l-Pulizija kienu ssejħu fi Triq Ulisse Marsalforn dwar rapport ta’ argument.
Kien kienu sabu lill-imputat f’parkeġġ bid-demm ma’ wiċċu. Hu kien allega li kien safa attakkat minn raġel ieħor li qal li jimsu Gentjan Duka.
Meta Duka kien ġie mitkellem mill-Pulizija qal li ra lil xi ħadd jagħmel ħsara mal-karozza tiegħu. Kien allegat li dak il-ħin kien ma’ bintu. Il-vittma meta kien mitkellem mill-Pulizija kien qal li kien ħa il bintu d-dar u meta mar lura lejn il-karozza sab lill-akkużat fiha. Qal li huwa staqsa lil Sultan x’inhu jagħmel iżda l-akkużat tah daqqa ta’ sieq. Qal li Sultan prova jaħrab iżda żammu. Hemm spiċċaw fi ġlieda.
L-Ispettur Josef Gauci qal fil-Qorti li kienu sabu t-tieqa ta’ wara tal-karozza mkissra u sabu wkoll xi demm fuq ġewwa. Qalet li aktar tard, raġel ieħor, li kien ipparkjat ħdejn Duka rrapporta li kellu ħsarat simili fil-karozza.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech, fis-sentenza tiegħu qal li Sultan kellu każijiet preċedenti u kellu ċans jirriforma ruħu. Huwa ngħata 15-il xahar ħabs għall-akkużi relatati mal-inċident, flimkien ma’ ħames xhur oħra għall-każ li fih kien ingħata libertà kundizzjonata minn qabel.
Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas €70 lil kull wieħed miż-żewġ vittmi fi żmien erba’ xhur minn meta joħroġ mill-ħabs.
L-Ispettur Josef Gauci mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Nadine Stivala mexxiet id-difiża.