Monday, October 28, 2024

200 siegħa xogħol fil-komunità wara li żamm excavator misruq

Aqra wkoll

Paul Philip Cutajar ta’ 49 sena, ġie kkundannat 200 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstab ħati li żamm excavator misruq fl-għalqa tiegħu.

Ir-raġel kien akkużat li fl-2020 seraq excavator u anke li laqa’ għandu oġġetti misruqin. Hu kien akkużat li sar riċediv. Il-Maġistrat Leonard Caruana ma sabux ħati ta’ serq u dan minħabba nuqqas ta’ provi li tressqu qudddiem il-Qorti.

il-Prosekuzzjoni qalet li l-excavator kien f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi, iżda meta filgħodu mar is-sid ma sabux hemm. MIll-ewwel ġew informati l-pulizija li mill-filmati tas-sigurta raw żewġ persuni jisirqu l-vettura. Minn aktar analiżi, anke minn GPS tracker instab li l-vettura kienet f’għalqa fl-Imtaħleb li kienet proprjetà tal-akkużat. Meta marru fuq il-post il-Pulizija sabet l-excavator u vetturi oħra li aktar tard instab li kienu misruqa. Il-Pulizija qalet li l-akkużat kien fuq il-post u arrestatu.

Fl-istess każ, il-Prosekuzzjoni ressqet diversi xhieda ta’ persuni li qalu li kellhom il-karozza misrqua u imbgħad sabuha żarmata.

Cutajar qal fil-Qorti li hu kien is-sid tal-għalqa, iżda hemm persuni oħra li jagħmlu użu minnha. Xehed li fil-lejla li allegatament kienet seħħet is-serqa kien ċempillu l-mekkanik biex biex jirmunkah għaliex it-trakk li kien qed isuq waqaflu. Qal li mar u fuq it-trakk sab l-excavator, li ma kienx jaf li hu misruq.

Il-Maġistrat qal li mhux qiegħed jemmen il-verżjoni tal-akkużat filwaqt li staqsiet għala għażel li jmur bi trakk speċjalizzat. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-akkużat kien jaf minn qabel li kien se jġorr makkinarju ta’ ċertu kobor. Iżda fl-istess waqt il-Maġistrat qal li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx provi biżżejjed li juru li kien l-akkużat li wettaq is-serqa tal-excavator u għalhekk ma sabitux ħati ta’ dan.

Dwar il-vetturi l-oħra, il-Qorti qalet li l-akkużat ma setax ikun jaf li kienu nsterqu. Osservat li l-mekkanik kien qed iżomm il-vetturi tiegħu fl-għalqa tal-akkużat.

Minħabba dawn ir-raġunijiet, Caruana ma nstabx ħati ta’ serq, iżda nstab ħati li żamm għandu affarijiet misruqin u anke li sar riċediv. Il-Qorti ordnatlu jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità u ordnatlu jħallas €4,900 fi spejjeż tal-Qorti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport