Sunday, November 24, 2024

20,000 student u edukatur lura fl-iskejjel tal-knisja

Aqra wkoll

L-iskejjel tal-Knisja reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għal sena skolastika ġdida. Madwar 17,000 student u 3,000 edukatur qed jingħaqdu f’dawn il-jiem f’waħda mill-55 skola tal-Knisja fil-livelli ta’ kindergarten, primarja, sekondarja u s-sitt sena post-sekondarja. Fost dawn, madwar 2,000 student u 140 edukatur li se jidħlu f’dawn l-iskejjel għall-ewwel darba.

Bi tħejjija għal din is-sena, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija organizza żewġ laqgħat bejn l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, iċ-chaplains tal-iskejjel, u l-edukaturi li qed jibdew jagħtu servizz fi skola tal-Knisja. L-Isqof Galea-Curmi tenna l-apprezzament tiegħu għall-ħidma sfiqa ta’ tant professjonisti lajċi u reliġjużi li jagħtu servizz ta’ kwalità fl-edukazzjoni Kattolika. Waqt li kien qed jindirizza liċ-chaplains, l-Isqof saħaq fuq l-importanza li huma stess ikunu qed jagħmlu mixja ta’ fidi mibnija fuq spiritwalità soda, dan għaliex ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux. Fil-laqgħa mal-edukaturi l-ġodda, l-Isqof tkellem dwar il-ħtieġa bejn dak li ngħidu u x-xhieda li nagħtu lill-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja.

Bi preparazzjoni għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida, matul ix-xhur tas-sajf l-iskejjel tal-Knisja komplew għaddejjin b’xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ. Ix-xogħol tal-edukaturi wkoll baqa’ għaddej matul is-sajf, b’xi wħud minnhom komplew it-taħriġ tagħhom barra min Malta biex jibqgħu aġġornati dwar metodi ġodda ta’ tagħlim.

L-iskejjel tal-Knisja huma impenjati li matul ix-xhur li ġejjin ikomplu jaħdmu u jilqgħu s-sejħa tal-Papa Franġisku sabiex tinħoloq soċjetà aktar fraterna li tibni relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-bnedmin u li tħares d-dar komuni tagħna.

Sport