Saturday, December 21, 2024

20,000 tifel u tifla f’72 skola se jibbenefikaw mill-proġett ta’ attività fiżika Fun Fit Football

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex iżid l-attività fiżika fl-iskejjel, kemm bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Isport, kif ukoll biex jikkumbatti r-rata ta’ obeżità fit-tfal.

“Qed naħdmu biex tiżdied l-attività fiżika fl-iskejjel tagħna, imma huwa importanti wkoll li nkomplu naħdmu biex inbiddlu l-mentalità, nibdlu l-kultura u l-mod kif jaħseb in-nazzjon fejn jidħol l-isport u l-attività fiżika –

għalhekk l-importanza tal-edukazzjoni fiżika bħala għodda għall-edukazzjoni ħolistika u biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-attività fiżika u fl-isport,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

Il-Ministru kien qed jitkellem waqt attività li saret flimkien mal-Malta Football Association, fejn ġie mniedi l-programm Fun Fit Football. Dan il-proġett huwa riżultat li joħroġ minn taħdidiet u wkoll ftehim li kien iffirmat mal-MFA fix-xhur li għaddew. L-għan tal-ftehim huwa li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u l-MFA, bl-għan finali li jiżdied in-numru ta’ tfal involuti fil-futbol regolari jew f’attività fiżika.

Il-Programm Fun Fit Football huwa ffinanzjat mill-UEFA flimkien ma’ għajnuna mill-gvern. Permezz tiegħu, il-coaches ta’ Fun Fit Football se jżuru l-iskejjel kollha primarji u jagħmlu sessjoni waħda ma’ kull klassi u tliet sessjonijiet fil-Year 6, li tinkludi wkoll sessjoni futsal. Minn dan il-proġett li huwa miftuħ għat-tfal kollha, bniet u subien, se jibbenefikaw 60 skola primarja f’Malta u 12-il skola f’Għawdex u huwa stmat li f’sena se jibbenefikaw 20,000 tifel u tifla. Il-proġett se jiffoka b’mod speċjali fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet fiżiċi u mhux biss ħiliet tekniċi speċifiċi għall-futbol u li jkunu inklussivi għat-tfal kollha tal-iskola.

Il-proġett se jsir kull nhar ta’ Ġimgħa f’dak li qed jissejjaħ ‘Active Fridays’. Apparti l-parteċipazzjoni tat-tfal se jkun hemm ukoll l-involviment tal-edukaturi għaliex dawn se jingħataw booklet biex ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu s-sessjonijiet tal-Fun Fit Football mat-tfal.

Il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo qal, “Permezz tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, l-assoċjazzjoni qiegħda toħloq opportunitajiet għal żvilupp individwali u kollettiv filwaqt li turi impenn bla waqfien lejn il-grassroots football, bl-għan li żżid il-parteċipazzjoni u tiffaċilita t-triq mill-grounds tal-iskola għan-nurseries tal-futbol billi tiżgura mhux biss attività fiżika regolari iżda tippromwovi wkoll il-futbol bħala għodda soċjali u edukattiva”.

Min-naħa tiegħu, Ivan Woods, Head Grassroots Development, qal li, “B’dan il-programm qegħdin għall-ewwel darba nilħqu t-tfal kollha fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex permezz ta’ coaches speċjalizzati.  Huwa stmat li matul din is-sena, se nkunu lħaqna madwar 20,000 tifel u tifla bl-għan li nħajruhom jersqu lejn il-logħba tal-futbol”.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport huwa impenjat f’ħidma biex tiżdied aktar attività fiżika fost it-tfal tal-iskejjel, filwaqt li jiffaċilità t-tranżizzjoni mill-iskola għall-komunità billi jrawwem involviment kontinwu fil-futbol u fl-isport.

Il-Ministeru qed jaħdem fuq aktar proġetti, anke mal-imsieħba soċjali, fosthom l-MFA, sabiex inkattru l-attività fiżika f’uliedna u nrawwmu bidla soċjali pożittiva biex tkun imħaddna kultura sportiva.

Ekonomija

Sport