Is-sena li għaddiet, 20,137 persuna fittxew l-għajnuna mis-servizzi li toffri l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-FSWS fejn il-maġġoranza tal-każi (8,633), ġew segwiti mill-Aġenzija Appoġġ.
F’konferenza li matulha tnieda l-imsemmi rapport, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti spjega kif is-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni kellha budget allokat ta’ €19,688,000. Dan filwaqt li l-ammont ta’ impjegati fi ħdanha żdiedu għal 845.
Huwa żied jgħid li: “fl-2019, kellna 20,137 każ minn madwar Malta u Għawdex. L-akbar numru ta’ każijiet kienu ġejjin minn lokalitajiet bħalma huma San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi.”
Grixti semma kif is-sena li għaddiet infetaħ ċentru ġdid għall-familji fil-komunità ġewwa Marsalforn, Għawdex, liema ċentru jservi biex jilqa’ nies li għandhom bżonn xi tip ta’ għajnuna soċjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS żied isemmi li dawk li jaħdmu mal-Fondazzjoni fuq il-qasam tal-vjolenza domestika raw mal-1,300 persuna, fl-ewwel sena sħiħa tal-operat tagħhom.
“In-nies li fittxew is-servizzi tagħna u r-referrals komplew jiżdiedu. Jidher li l-listi ta’ stennija bil-mod il-mod qegħdin jonqsu,” temm jgħid Grixti filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha fi ħdan l-FSWS tas-servizz tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt li rrikonoxxa l-ħidma mwettqa mill-FSWS matul is-sena li għaddiet, enfasizza fuq l-importanza li issa nħarsu ‘l quddiem.
“Din is-sena li ninsabu fiha ġabet sfidi ġodda. Bdejna naħdmu aktar remotely imma ma waqqafna l-ebda servizz. Għall-kuntrarju żidna servizzi ġodda,” qal il-Ministru Falzon. “Ħadd ma jaf x’se jiġri għada. Irridu nkunu attrezzati u naġixxu għall-isfidi ġodda li għandna quddiemna. Irridu nżommu konstanti d-dedikazzjoni li ntweriet mill-ħaddiema tal-FSWS li għarfu jqumu għall-okkażjoni.”