Tuesday, December 31, 2024

2024 SENA TA’ SFIDI … 2025 SENA TA’ OPPORTUNITAJIET

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu ftit sigħat ‘il bogħod milli nsellmu lis-sena 2024, u fuq l-għatba tas-sena 2025, ikun jaqbel li nirriflettu fuq il-mumenti li għadda minnhom pajjiżna matul din is-sena li waslet biex tintemm. Mill-avvanzi ekonomiċi u soċjali sal-isfidi ambjentali, il-popolazzjoni u t-traffiku li ħallew impatt fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Matul it-tnax-il xahar li waslu biex jintemmu, l-ekonomija Maltija, minkejja kriżijiet dinjin, kompliet turi reżiljenza fl-2024, imqanqla l-iktar mill-konsum domestiku, mill-qasam turistiku, l-iGaming u s-Servizzi Finanzjarji.

Numru rekord ta’ turisti żaru pajjiżna, l-iktar bis-saħħa ta’ kampanji intensivi ta’ promozzjoni, is-sbuħija tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna u xi waqtiet iż-żieda ta’ linji tal-ajru li joperaw lejn Malta. Barra minn hekk, il-gvern impenja ruħu bil-kbir biex jiddiversifika lejn oqsma ġodda bħalma huma blockchain u l-intelliġenza artifiċjali li komplew jirreġistraw titjib, għalkemm bosta għadhom iħeġġu għal żvilupp aktar sostenibbli.

Pajjiżna kellu jiffaċċja wkoll l-isfidi tal-inflazzjoni u tal-għoli tal-ħajja li baqgħu jippersistu fuq livell internazzjonali, bl-enfasi fuq il-livell nazzjonali tibqa’ l-ħtieġa ta’ interventi mill-gvern immirati biex iċ-ċittadini kollha u n-negozji, l-iktar dawk żgħar u medji, ma jiġux mgħobbijin huma bil-piżijiet tal-għoli tal-prezzijiet. 

L-ambjent kien prijorita wkoll. Kien suġġett li qajjem diskussjonijiet sħan u anki kontroversji matul l-2024. L-istrateġija ġdida tal-gvern dwar l-ekonomija ħadra u l-enerġija rinovabbli ntlaqgħet b’entużjażmu iżda wkoll b’ċertu mistoqsijiet.

Il-kritiċi saħqu li hemm bżonn ta’ azzjonijiet aktar konkreti biex jindirizzaw il-problemi partikulari ta’ żvilupp żejjed u deterjorazzjoni tal-ambjent naturali f’ċertu nħawi.

Fl-istess waqt l-inizjattivi għall-konservazzjoni tal-baħar u l-protezzjoni u r-restawr ta’ siti storiċi kienu ta’ ispirazzjoni. 

F’qasam ieħor, pajjiżna kompla jikkonsolida r-riformi, speċjalment fejn jidħlu ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-komunità LGBTQ+ tant li Malta baqgħet tikklassifika fl-ewwel post tar-Rainbow Index.

L-isfidi għal djar affordabbli u s-servizzi tas-saħħa mentali għadhom kwistjonijiet prominenti. L-akkwist tal-ewwel residenza għaż-żgħażagħ baqgħet waħda mill-aktar għadmiet iebsa u għalhekk il-gvern żamm fis-seħħ skemi relatati biex ikompli jkun ta’ għajnuna għalihom li x’aktarx hi waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti f’ħajjithom

Ir-riformi fl-edukazzjoni, immirati biex jgħinu lill-istudenti jlaħħqu mad-domandi ta’ ekonomija diġitali, qajmu diskussjonijiet dwar il-ħtieġa li nibbilanċjaw l-innovazzjoni teknoloġika mal-valuri tradizzjonali li jagħmluna min aħna. Fl-istess waqt din is-sena kienet waħda storika għall-edukaturi hekk kif l-gvern żamm kelmtu bl-iffirmar tal-ftehim li se jara titjib kbir fis-salarji u l-kundizzjonijiet tagħhom.

Bħala membru attiv fl-Unjoni Ewropea, Malta kellha rwol importanti f’negozjati dwar il-migrazzjoni, il-politika klimatika u s-sigurtà reġjonali. Sforzi diplomatiċi li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-Mediterran ingħataw ħafna rikonoxximent, b’Malta titqies bħala mezz ta’ djalogu bejn pajjiżi ġirien.

Fl-istess waqt, il-kultura Maltija kompliet tispikka fuq livell internazzjonali, b’festivals u skambji artistiċi li wrew il-wirt kulturali bħala identità unika tagħna l-Maltin. Dawn l-inizjattivi kkonfermaw ukoll il-vokazzjoni tagħna bħala pont bejn il-kontinenti, li jgħaqqad it-tradizzjoni mal-aspirazzjonijiet għal paċi dejjiema.

Hekk kif nilqgħu s-sena 2025, Malta nemmnu li Malta se tkompli tfittex bilanċ delikat bejn li tħares il-karattru uniku tagħha u li tilqa’ l-innovazzjoni. Il-lezzjonijiet tal-2024 juru kemm huma essenzjali d-djalogu, l-ispirtu ta’ komunità u l-viżjoni komuni għall-ġejjieni.

Minn dawn il-koklonni nawguraw lil kulħadd sena mimlija risq, hena u għaqda lil dawn il-gżejjer għeżież tagħna. Flimkien, nistgħu nibnu Malta għal ġejjieni aħjar li mhux biss tindirizza l-isfidi tal-lum, iżda li tagħti ispirazzjoni lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport