Wednesday, March 12, 2025

2024: Terġa’ tonqos ir-rata ta’ kriminalità f’Malta

Malta żżomm postha fost l-aktar pajjiżi siguri

Aqra wkoll

Ir-rapport akkademiku annwali magħruf bħala Crimemalta Observatory, ikkonferma fil-pubblikazzjoni annwali tiegħu għall-2024 li Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, bir-rata ta’ reati kriminali hija ta’ 30 reat għal kull elf persuna li tgħix fil-pajjiż. Dan jirrifletti tnaqqis meta mqabbel mas-sena 2023 u tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mas-46 każ irrapportat għal kull elf persuna li Malta kienet tesperjenza fl-2004. 

Dan jibni wkoll fuq ir-riżultat eċċellenti li ngħatat Malta f’rapport internazzjonali fosthom dawk li poġġew l-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna mal-ewwel għaxra fis-sena 2023, minn 142 pajjiż fl-indiċi globali tas-Saltna tad-Dritt. Indiċi tal-World Justice Project Global Rule of Law Index li jinkludi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta’ Fuq.

Skont stimi li saru fuq ir-rati tal-2004 u l-2014, ir-rata ta’ rapporti ta’ reati kriminali din is-sena kienu mistennija jaqbżu l-20,000 u saħansitra kienu mistennija li jlaħħqu l-25,000 rapport. Minflok, ir-rapporti matul is-sena l-oħra kienu ferm inqas minn hekk. Fil-fatt l-istess rapport juri wkoll li kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità meta wieħed iqabbel l-2024 mas-sena ta’ qabel. Hekk kif fl-2024, kienu rrapportati 16,662 każ, iġifieri tnaqqis ta’ 1% fuq l-2023. 

Dawn in-numri iktar baxxi kienu rreġistrati anke jekk dan ir-rapport qed idaħħal għall-ewwel darba kategoriji ġodda ta’ rapporti li huma reati marbuta mal-ambjent, environmental crime, fejn ġew reġistrati 174 każ. Bdew ikunu reġistrati wkoll reati ta’ moħqrija kontra l-annimali fejn is-sena li għaddiet kienu reġistrati 20 każ. 

Riżultat pożittiv ieħor huwa li r-rata ta’ kriminalità f’Għawdex, naqset bi 23%, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, filwaqt li rreġistra l-inqas ammonti ta’ serq fl-aħħar 20 sena. Dan ifisser in-nofs ta’ dak li kien irreġistrat fl-2006. 

L-esperti li ħadmu fuq ir-rapport isostnu, li filwaqt li hemm reati li komplew jirreġistraw żidiet minħabba servizz aktar professjonali kif ukoll minħabba żieda fl-għarfien, bħall-vjolenza domestika, f’każi oħra r-rapporti ta’ reati kriminali naqsu minħabba l-effettività ta’ ħidma ta’ prevenzjoni. Ir-rapport jindika wkoll il-moviment lejn kriminalità li qed issir “fuq ġewwa” fejn illum dan jammonta għal 34% tar-reati kriminali kollha. Fost oħrajn hawn insibu l-frodi, il-ħasil ta’ flus u l-vjolenza domestika. Ir-rapport jinnota li sal-2004, 96% tar-reati kienu marbuta ma’ ambjent barra mid-dar jew barra minn proprjetajiet bħal uffiċini, fejn il-pulizija u l-effettività tagħhom seta’ jkollhom impatt iktar dirett. Iżda b’din il-bidla llum importanti niffokaw fuq edukazzjoni u tagħrif, għax żdiedu r-riskji fejn il-vittma tinġibed lejn ir-reat innifsu. 

Dwar dawn ir-riżultati, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, qal li t-tisħiħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna fl-aħħar snin huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd. Ir-riċerka u r-riżultati u anke rapporti internazzjonali, bħar-Rule of Law Index, jgħidu li s-sigurtà ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha.

Qal li dan ma jiġix b’kumbinazzjoni, iżda huwa riżultat qabel kollox tal-ħidma mwettqa mill-Korpi Dixxiplinati, liema ħidma l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fiha mhux biss b’investiment ma’ jaqta’ xejn fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, imma wkoll fl-għodda li jaħdmu biha. Investiment li l-Ministru Byron Camilleri spjega, jsarrfuh il-familji Maltin u Għawdxin, kif jindika dan ir-rapport, bir-rata ta’ kriminalità terġa’ tonqos.

Dan ma jfissirx li pajjiżna ma jkollux sfidi, iżda pajjiżna rnexxielu mhux biss inaqqas ir-rata ta’ kriminalità, iżda wkoll iżommha baxxa. Ikkonkluda li l-Gvern mhux ser ikun qed jistrieħ fuq dawn ir-riżultati pożittivi, iżda minflok ser ikompli jibni fuqhom għall-ġid tal-poplu kollu. 

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, f’kummenti dwar dawn ir-riżultati qal li hu kburi ferm li l-ħidma effettiva mill-uffiċjali tal-Korp matul is-sena li għaddiet kompliet tagħmel lil Malta, pajjiż aktar sigur. “Mhux biss għandna l-konferma tal-World Justice Project li s-sena l-oħra kklassifika lil Malta bħala l-għaxar l-aktar pajjiż sigur fid-dinja imma r-rapport annwali tal-kriminalità joħroġ biċ-ċar li s-sena l-oħra komplejna nnaqqsu l-kriminalità f’pajjiżna kemm in absolute terms u aktar u aktar ras għal ras.

Fil-fatt, filwaqt li fl-2004 kellna medja ta’ 46 rapport għal kull elf persuna f’pajjiżna, is-sena l-oħra din niżżilniha għal 30. Dan fl-istess waqt li għax saħħaħna s-servizzi tagħna fis-settur u żidna l-għarfien, is-sena li għaddiet komplejna nesperjenzaw żidiet f’rapporti ta’ vjolenza domestika. B’ebda mod mhu qed ngħid li pajjiżna huwa Utopja.

Anzi, filwaqt li s-sena l-oħra rreġistrajna lanqas rati ta’ armed robberies, serq ta’ vetturi u t-tieni lanqas rata ta’ serq mid-djar, komplejna nesperjenzaw evoluzzjoni f’reati diġitali.” 

Tenna li l-Korp tal-Pulizija ser ikompli jadatta għal din l-evoluzzjoni fil-kriminalità b’investimenti sostanzjali f’dawk li huma financial u cyber crime. Ikkonkluda b’ringrazzjament lill-membri tal-Korp għall-ħidma sfiqa tagħhom kif ukoll liċ-ċittadini “li bi sħubija magħhom qegħdin tassew jirnexxilna nżommu lil pajjiżna fost l-aktar siguri fid-dinja.”

Min-naħa tiegħu, il-Kriminologu Saviour Formosa, li wettaq din ir-riċerka, tenna li mal-milja taż-żmien is-soċjetà tevolvi u magħha l-kriminalità. Għalhekk spjega, li f’dinja li llum, per eżempju l-kriminalità titwettaq billi vittma tirċievi messaġġ u tapprova transazzjoni li taf tkun malinja, huwa ferm aktar importanti l-għarfien. Għaliex fisser kif kull rapport għandu vittma u għaldaqstant bżonn ta’ għajnuna. 

“Din is-sena rajna tnaqqis mis-sena l-oħra kif ukoll rajna diversi tibdil kemm fit-tip ta’ krimini kif ukoll fid-dinamika ta’ kif u fejn isiru. Illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn għandna waħda mill-anqas rati fil-krimini għal kull elf persuna, u iżjed kriminalità li ssir mill-bieb ’il ġewwa bħall-vjolenza domestika li dwarha għandna nistudjaw aktar ir-rapport ta’ kif tiġi definita vjolenza domestika psikoloġika.”

Omiċidji: Fl-2024 kienet reġistrata rata ta’ omiċidji ta’ 0.7 għal kull 100,000 persuna. Fl-2004 din kienet ta’ 1.7 għal kull 100,000 persuna. Ta’ min jinnota li l-omiċidji kollha mill-2018 sal-2024 kienu solvuti fi żmien qasir. 

Serq: Baqgħet baxxa r-rata ta’ serq mir-residenzi fejn b’513 il-każ kienet it-tieni l-inqas rata qatt irrekordjata. Fl-istess ħin kienet irreġistrata żieda fil-każi ta’ pickpocketing u serq f’żoni ta’ divertiment bin-numru ta’ każi rrapportati fl-2024 kien ta’ 650 każ. Is-sena li għaddiet Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ serq minn persuni armati, minn kemm ilha tinżamm l-istess informazzjoni, b’21 każ irrapportat. Fl-2024 kien irreġistrat l-inqas ammont ta’ serq minn vetturi u t-tieni l-inqas rata ta’ serq minn proprjetajiet (okkupati u mhux).  

Ħruq (arson): Każi ta’ reati kriminali fejn jinħarqu proprjetajiet komplew ikunu baxxi bl-istess xejra ta’ tliet snin qabel l-2024 (li kienu l-inqas fl-istorja),  biex is-sena li għaddiet kienu rreġistrati 38 każ. 

Vjolenza domestika: Reġgħet kienet reġistrata żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika fejn fl-2024 kienu reġistrati total ta’ 2,255 każ. 78% ta’ dawn ir-rapporti kienu marbuta ma’ rapporti ta’ vjolenza psikoloġika. 

Reati bi vjolenza: Dawn naqsu għal 344 każ fl-2024. Dawn ma jinkludux il-vjolenza domestika u jirreferu għal grievous bodily harm, waqt li reati oħra bħal serq b’armi, vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi, omiċidji, u każi oħra li jkunu akkumpanjati bi vjolenza kif spjegat fir-rapport.

Vjolenza (bodily harm): Fl-2024 kien hemm żieda fil-każi ta’ vjolenza ta’ 3%. 

Frodi: Wara li kienu reġgħu raw żieda fis-sena ta’ qabel (2023), reati marbuta ma’ każi ta’ frodi, ħafna minnhom marbuta mad-dinja diġitali bħal frodi bl-sms jew frodi diġitali, fl-2024 kien hemm tnaqqis ta’ 18%. 

Tnaqqis ieħor sinifikanti: Kien hemm tnaqqis ukoll ta’ 43% fin-numru ta’ reati marbuta mal-użu tal-kompjuter, filwaqt li kien hemm 8% tnaqqis ta’ każi marbuta ma’ ħsarat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport