Għadna kif dħalna f’sena ġdida. Is-26 sena tat-tielet millenju. Sena li nittamaw li tikkomplimenta dik li għadha kif intemmet, partikolarment it-tisħiħ tal-ambjent, l-akkomodazzjoni affordabbli, it-tisħiħ tal-familji u d-diversi għajnuniet biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.
F’dan il-kuntest, nittamaw illi tingħata spinta lit-tliet proġetti ambjentali ewlenin li se jsiru f’siti li se jingħataw għat-tgawdija tal-poplu kollu. B’dawn qed nirreferu għall-parks nazzjonali proposti f’Manoel Island, il-White Rocks u Forti Campbell.
Fil-każ tal-White Rocks, iddaħħlet novità illi l-konsultazzjoni bdiet mat-tfal li matulha l-istess tfal ħarġu b’ideat ċari ta’ x’jixtiequ li jsir minn dan il-proġett. L-istess konsultazzjoni saret ukoll ma’ diversi setturi oħra tas-soċjetà tagħna biex jiġi żgurat li dawn ikunu skont ix-xewqat tan-nies, partikolarment it-tfal u ż-żgħażagħ. Dan għaliex, kif qal il-Prim Ministru stess, jekk il-konsultazzjoni ma ssirx mat-tfal u ż-żgħażagħ, li huma l-ġenerazzjonijiet tal-lum u għada, allura ma’ min kellha ssir.
Lil hinn mir-riżoluzzjonijiet, konvinti wkoll li tissokta l-ħidma biex jiġu, jekk mhux megħluba, almenu mitigati l-problemi li ffaċċjajna matul is-sena li għaddiet. Fosthom il-problema tat-traffiku li kienet ta’ tħassib ewlieni għal ħafna nies. F’dan is-settur saru sforzi kbar biex jinstabu soluzzjonijiet għal din il-problema li mhux faċli tiġi solvuta f’qasir żmien. Iżda aħna fiduċjużi li bil-proġetti ta’ twessigħ ta’ toroq u oħrajn bħalma huma l-proġett tal-Imsida se jgħinu mhux ftit biex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku u l-għargħar f’dik l-arterja ewlenija tal-pajjiż.
Hawnhekk ma nistgħux ma nfaħħrux l-inizjattivi li spiss jieħu l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi biex isir użu aħjar u akbar mit-trasport bil-baħar biex b’hekk tonqos il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq.
Nittamaw ukoll li matul din is-sena, 2026, ma jkunx hemm inċidenti u mwiet kemm fit-toroq u wisq inqas fil-postijiet tax-xogħol, għaliex li persuna tmur għax-xogħol jew li ssuq karozza u li tirritorna lura qawwija u sħiħa mhux privileġġ imma dritt.
Fuq kollox nistennew li f’pajjiżna tonqos il-politika partiġġjana li jekk ma titrażżanx toħloq il-firdiet u d-diviżjonijiet f’pajjiżna. Dan ma nixtiqux narawh iseħħ għaliex poplu magħqud ifisser poplu f’saħħtu li lkoll flimkien inkunu nistgħu niffaċċjaw l-isfidi li jista’ jġib miegħu l-ġejjieni.


