Saturday, November 23, 2024

21,000 immigrant irregolari jaslu Malta mill-2005; 8% biss ġew rilokati

Aqra wkoll

Mill-2005, 8% biss tal-wasliet ta’ immigranti kienu rrilokati f’pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea minkejja li l-wasliet qabżu l-21,000. Qal dan il-Gvern filwaqt li tenna li Malta għandha fost l-ogħla rati fl-Ewropa u għaldaqstant juri wkoll il-piż sproporzjonat li Malta qed tintalab li ġġorr fir-rigward tal-problema tal-immigrazzjoni irregolari.

Matul l-2019, waslu f’pajjiżna 3,405 immigranti irregolari, konsegwenza tat-traffikar tal-bnedmin, mir-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran.

Wasliet ta’ immigranti tul l-2019

Minn 3,405 immigranti, fl-2019, il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea wegħdu li jieħdu lura biss 610. Minnhom, 88 għad iridu jiġu rrilokati. Il-kumplament, 2,795 jibqgħu responsabilità ta’ Malta.

Wasliet ta’ immigranti tul l-2020

Minn Jannar 2020, kien hemm 1,222 immigrant irregolari li waslu f’pajjiżna. Il-Gvern talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkordina r-rilokazzjoni tagħhom. Dawn it-talbiet saru f’Jannar, Frar u April 2020.

Sal-lum, il-Portugall biss wiegħed l-impenn li jieħu total ta’ 6 immigranti.

Apparti t-talbiet ta’ Jannar u Frar 2020, Malta talbet ir-rilokazzjoni ta’ 160 immigrant addizzjonali. F’dan ir-rigward, Franza qalet li se tieħu 30 immigrant irregolari filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tikkordina l-kumplament.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha setgħat limitati biex tirriloka l-immigranti minħabba li l-wegħdiet li jsiru huma voluntarji u jiddependu fuq ir-rieda li jagħmlu l-pajjiżi membri oħrajn.

Wasliet ta’ immigranti tul mill-2005

Mill-2005, 8% biss tal-wasliet ta’ immigranti kienu rrilokati f’pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea minkejja li l-wasliet qabżu l-21,000. Tajjeb li jiġi nnotat li l-Istati Uniti ħadet id-doppju tal-impenn li għamlu s-27 membri stati tal-Unjoni Ewropea mill-2005 ’l hawn.

Minħabba l-wasliet tas-sena l-oħra, f’pajjiżna hawn 4,000 immigrant irregolari f’ċentri madwar il-pajjiż. Dan ifisser li madwar 1% tal-popolazzjoni Maltija hija magħmula minn immigranti irregolari li wħud minnhom jinsabu f’detenzjoni.

Il-Gvern temm jgħid li filwaqt li Malta dejjem irrispettat b’mod sħiħ l-obbligazzjonijiet internazzjonali u Ewropej tagħha, il-prinċipju ta’ solidarjetà Ewropea, li huwa parti integrali mil-leġislazzjoni Ewropea, mhux qed issir.

Sadanittant, fl-ewwel tliet xhur tal-2020, il-wasliet ta’ immigranti irregolati ġejjin mir-rotta Ċentrali tal-Mediterran żdiedu b’438%. Din ix-xejra ssoktat f’April 2020 meta kien hemm żieda ta’ 300% fin-numru ta’ wasliet meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.

Sport