Sliema Wanderers …0
FC Noah ………….……0
(Aggregate: FC Noah 7-0)
minn Cristian Muscat
Kien meħtieġ miraklu sportiv biex Sliema Wanderers jiksbu l-kwalifikazzjoni għat-tielet round tal-UEFA Europa Conference League.
Dan wara li fl-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni li ntlagħab fl-Armenja, Sliema sfaw megħluba minn FC Noah bl-iskor kbir ta’ 7-0, biex prattikament tilfu kull tama li jkomplu javvanzaw.
Madankollu, għalkemm il-kwalifikazzjoni ma waslitx, fil-partita tal-bieraħ il-Wanderers kellhom wirja ferm aħjar fejn ikkontrollaw lill-avversarji u spiċċaw fi draw ġust ta’ mingħajr goals.
Iżda li kieku l-Blues kienu aktar preċiżi, setgħu wkoll ħarġu rebbieħa.
Kien fit-13-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bil-Wanderers ikunu huma li joħolqu l-periklu meta b’xutt mid-distanza, Simon Zibo, ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper, Aleksei Ploshchednyi, li dawwar f’corner.
Minuta biss wara, daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Gustavo Alcino intemmet ftit barra.
Il-Wanderers komplew jinsistu u fis-17-il minuta, Adam Magri Overend venven xutt minn tarf il-kaxxa li ġie devjat u spiċċa f’idejn Ploshchednyi.
Noah wieġbu għall-ewwel darba fil-31 minuta u resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta free-kick insidjuż ta’ Gustavo Sangare ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper Slimiż, Emeka Kelvin Agu, u mir-rebound Sergey Muradayn ra x-xutt tiegħu minn taħt il-lasti salvat f’corner minn Magri Overend minn fuq il-linja fatali.
Fit-tieni taqsima, il-Wanderers ħarġu aktar avventurużi u fit-58 minuta, fallew ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Adam Magri Overend għadda tajjeb lejn Steve Pisani li indirizza cross għan-nofs, iżda sfortunatament kemm Vito Plut kif ukoll Samuel Gomes Da Mata, li kienu f’pożizzjoni mill-aktar ideali ma rnexxielhomx jagħmlu kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
FC Noah irrispondew fl-64 minuta meta Goncalo Gregorio għadda tajjeb lejn is-sostitut Imran Omar li kellu x-xutt minn tarf il-kaxxa jintemm ferm għoli.
U proprju fid-90 minuta, l-istess Omar kellu xutt perikoluż mid-distanza devjat f’corner mid-difiża Slimiża bl-iskor jibqa’ ma jinbidilx sa tmiem il-partita.
Issa t-team Armen se jaffronta lit-team qawwi ta’ AEK Athens.
SLIEMA W.: 12-Emeka Kelvin Agu, 15-Gustavo Alcino, 31-Henrique Murilo, 2-Jean Borg, 7-Adam Magri Overend (22-Cain Attard 74), 70-Steve Pisani, 42-Simon Zibo, 33-Geoffrey Edwin Acheampong, 11-Myles Beerman, 9-Vito Plut (88-Stanley Ohawuchi 74), 10-Samuel Gomes Da Mata (77-Mohamed Awad 63) – Coach: Paul Zammit
FC NOAH: 92-Aleksei Ploshchednyi, 19-Hovhannes Hambardzumyan (81-Imran Oulad Omar 56), 37-Goncalo Silva, 3-Sergey Muradyan, 4-Gudmundur Thorarinsson (6-Marcos Pedro 73), 11-Eraldo Cinari (26-Aleksandar Miljkovic 65), 17-Gustavo Sangare, 20-Martin Gambos (18-Artem Avanesyan 56), 7-Herider Ferreira, 9-Mathues Aias, 8-Goncalo Gregorio (30-Grenik Petrosyan 65) – Coach: Rui Mota
REFEREE: Robert Ian Jenkins (Wales)
ASS. REFEREES: Ian David Bird, Martin Roberts (Wales)
RABA’ UFF: Alex Mcinch (Wales)
SKORERS: Ħadd
AMMONITI: H. Murilo, G. E. Acheampong (SW)