Friday, April 19, 2024

22 entità mħassbin dwar il-liġi tal-kannabis

Aqra wkoll

Tnejn u għoxrin entità ppreżentaw lill-membri parlamentari position paper dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-użu rikreattiv tal-kannabis. L-entitajiet, li qed jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għal din il-liġi, huma mħassba serjament dwar l-effetti li ser ikollha fuq is-soċjetà u qed jappellaw għal dibattitu serju, matur u riċerkat dwar is-suġġett. Il-liġi proposta se tkun ppreżentata llum fil-Parlament għad-dibattitu.

L-entitajiet kollha, li ħafna minnhom jaħdmu ma’ tfal u żgħażagħ, jemmnu bis-sħiħ li kif inhu ppreżentat bħalissa, l-abbozz se jkollu effett negattiv li jinnormalizza l-użu tad-droga filwaqt li jonqos milli jipproteġi kemm lis-soċjetà kif ukoll lil min juża d-droga.

Filwaqt li l-22 entità jappoġġjaw il-liġi preżenti li tiddekriminalizza l-pussess ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis għall-użu personali, huma kritiċi ħafna għall-għaġla li biha, fl-aħħar ta’ din il-leġiżlatura u lejlet elezzjoni ġenerali, il-Parlament qed jintalab jgħaddi din il-liġi ġdida li qed tipproponi bidliet radikali u riskjużi. L-entitajiet qed jappellaw lill-Gvern biex jagħfas il-buttuna ‘pause’ u biex dan l-abbozz ta’ liġi jitwaqqaf sakemm isir studju serju, indipendenti u riċerkat dwar l-impatt soċjali tal-proposti f’dan l-abbozz.

Fil-position paper, l-entitajiet jagħtu feedback dettaljat dwar diversi proposti filwaqt li rrimarkaw li l-abbozz joħloq mudell regolat dgħajjef ħafna b’lakuni kbar li jagħtu lok għall-abbuż. Huma jesprimu tħassib serju dwar għadd ta’ aspetti proposti fil-liġi inkluż ir-regolamentazzjoni limitata ħafna tat-tkabbir tal-kannabis fid-djar, kif ukoll dwar ir-regolamentazzjoni dgħajfa tal-ftuħ ta’ assoċjazzjonijiet li jkabbru l-kannabis fl-ibliet u l-irħula kollha. Tħassib ieħor serju huwa dwar il-possibbiltà li jintużaw lakuni fil-liġi proposta biex ikun permess l-użu tal-kannabis fil-pubbliku, u dan minkejja d-dikjarazzjonijiet kuntrarju li saru fil-liġi.

It-22 firmatarji ta’ din il-position paper li ġiet ippreżentata llum lill-membri parlamentari huma: l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, Caritas Malta, Dar tal-Providenza, Djar tal-Knisja għall-Anzjani, il-Fondazzjoni Merħba Bik, il-Fondazzjoni Istitut Paolo Freire, il-Fondazzjoni OASI, Fondazzjoni Sebħ, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Kummissjoni Djoċesana Djakonija, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR), Malta Catholic Youth Network (MCYN), Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre Chaplains, il-Millennium Chapel, Peace and Good Foundation, l-Uffiċċju Ħidma Pastorali mal-Persuni Separati, is-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS), is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, SOS Malta, Society St Vincent de Paul u YMCA Malta.

Sport