Friday, December 13, 2024

22 entitá tal-Knisja jitolbu azzjoni immedjata b’rabta maż-żieda fil-prezz tal-prodotti

Aqra wkoll

22 entità tal-Knisja, li jaħdmu mill-qrib mal-persuni l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli  fis-soċjetà, huma mħassba biż-żieda fil-prezzijiet ta’ bżonnijiet bażiċi speċjalment  dawk tal-ikel. Huma qed jappellaw lill-mexxejja u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż sabiex  ikomplu jagħtu prijorità lil dawn il-persuni fil-bżonn u jieħdu azzjoni biex iż-żieda  fil-prezzijiet ma tagħmilx is-sitwazzjoni tal-faqar tagħhom f’Malta agħar milli hi. Dan  hekk kif jirriżulta li ħafna mill-prodotti bażiċi bħalma huma l-għaġin, iz-zalza u ż-żejt  għolew b’minn talanqas 20%. 

L-entitajiet qed jisħqu li l-aktar nies li ser ibatu minħabba dan l-għoli fil-prezzijiet huma  dawk il-persuni li spiss, bħala soċjetà, nippreferu nemmnu li ma jeżistux. Fost  il-persuni li qed jgħixu f’faqar moħbi hemm: familji li qed jgħixu f’appartamenti żgħar  ħafna jew f’garaxxijiet spiss sforz kirjiet li jibqgħu jogħlew lil hinn mir-realtà ta’ ċertu  pagi; anzjani li jgħixu fi djarhom mingħajr dawl u ilma għaliex ma jistgħux iħallsu  l-kontijiet minħabba d-dħul baxx tagħhom; u nies oħrajn li jgħixu fi djar u appartamenti  li minn barra jidhru ‘normali’ iżda meta tidħol ġewwa ssib realtajiet iebsa. 

Il-Knisja, permezz tal-parroċċi u l-entitajiet tagħha, hi impenjata tkompli mhux biss  tirrispondi għal sitwazzjonijiet simili iżda li tkompli tfittex u tgħin lil dawn ħutna fil-bżonn.  Is-sena li għaddiet, aktar minn 1,300 familja fil-bżonn f’Malta u Għawdex ġew  mgħejuna regolarment mill-voluntiera fil-parroċċi, minn Fondazzjoni Sebħ, Millennium  Chapel, St Jeanne Antide Foundation, mis-Segretarjat Assistenza Soċjali u Paolo  Freire Institute u Caritas Malta, bil-kordinament ta’ Caritas Djakonija Unit flimkien  mal-Kummissjoni Djoċesana Djakonija. 

Din l-istqarrija hi ffirmata minn: Kummissjoni Djoċesana Djakonija, Caritas Malta,  Church Homes for the Elderly, Dar Hosea, Dar Merħba Bik Foundation, Dar tal-Providenza, Fondazzjoni Sebħ, Franciscan Welfare Association, Jesuit Refugee  Service, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Kummissjoni Migranti, Mater Dei u Sir Anthony  Mamo Oncology Centre Chaplains, Millennium Chapel, Paulo Freire Institute, Peace  & Good Foundation, Segretarjat Assistenza Soċjali, St Jeanne Antide Foundation,  Soċjetà ta’ San Vincenz de Paule, Sorijiet tal-Bon Pastur, Uffiċċju Djakonija Djoċesi ta’ Għawdex, Uffiċċju Ħidma Pastorali mal-Persuni Separati u Youth Alive Foundation.

Ekonomija

Sport