Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, illum ppresedew ċerimonja tal-għoti tal-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.
22 membru tal-Korp tal-Pulizija u eks-membru ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħata mat-18-il sena servizz. 9 membri tal-Korp u 4 eks-membri ngħataw l-ewwel clasp li tingħata mal-25 sena ta’ servizz; filwaqt li 8 membri tal-Korp ingħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.
F’kelmtejn tal-okkażżjoni, il-Ministru Byron Camilleri qal li fl-aħħar snin il-Korp ġab riżultati eċċellenti, fejn wieħed jista’ jsemmi tnaqqis fil-kriminalita, ġew solvuti d-delitti kollha u skwadri ġodda li qegħdin jagħtu servizz aħjar.
“Dan wassal għal aktar fiduċja min-nies. Ir-riżultati li qed tiksbu fil-ħidma tagħkom ta’ kuljum, il-poplu Malti u Għawdxi qed jirrikonoxxihom. Ftit tal-jiem ilu, rapport tal-Ewrobarometru wera li 69% tal-poplu għandu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Dan juri żieda ta’ 15% fuq l-aħħar stħarriġ, li jfisser l-ogħla rata fl-aħħar 10 snin,” qal il-Miistru Camilleri.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà ukoll irrefera għar-rapport tal Ewrobarometru u qal li “ninsabu f’perjodu partikolari fejn l-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni, li titkellem fuq kif il-membri tal-Korp għandhom ikunu kburin, aktar minn qatt qabel qed tikkontribwixxi biex il-pulizija qegħdin iħossuhom
kburin bil-ħidma tagħhom.”
Is-Sur Gafà qal ukoll li beda proċess ta’ reviżjoni fil-mod ta’ kif jingħataw il-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, u dan sabiex iktar uffiċjali jkunu jistgħu jiġu ppremjati għall-effiċjenza f’ħidmiethom.