Tuesday, December 10, 2024

Possibbiltà li Liverpool isiru l-ewwel team li jikkwalifika għall-aħħar 16

Aqra wkoll

Meta llum u għada tintlagħab is-sitt ġur­nata tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League, teżisti possibbiltá li Liverpool isiru l-ewwel team li jikkwalifika mal-ewwel tmienja għall-Aħħar 16. 

Dan ikun ifisser li l-ewwel tmien timijiet jgħaddu direttament għal din il-fażi, bis-16-il team ta’ wara (jiġifieri dawk li jikklassifikaw mid-disa’ sal-24 post) ikunu jridu jilagħbu fi play-off fuq żewġ legs.  

Bla dubju, Liverpool iri­du jirbħu l-konfront tagħ­hom kontra Girona filwaqt li t-team li jkun fid-disa’ post ikollu inqas minn 12-il punt.  

Girona v Liverpool – Il-leaders Liverpool imorru Spanja biex jilagħbu kontra Girona li jinsabu fit-30 post, b’rebħa waħda biss. 

Fi tmiem il-ġimgħa, ir-Reds ma kienux impenjati minħabba li l-partita kontra Everton ġiet posposta minħabba maltemp qawwi. 

Għaldaqstant, filwaqt li kellhom ġimgħa ta’ mistrieħ huma mistennija jir­kupraw lit-tliet players minn injury – il-goalkeeper Alisson Becker kif ukoll lil Diogo Jota u lil Federico Chiesa. 

Iżda se jkunu mingħajr, Kostas Tsimikas, Ibrahim Konate, Conor Bradley li għadhom imweġġgħin filwaqt li Alexis Mac Allister huwa sospiż. 

Liverpool ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi – Milan (3-1), Bologna (2-0), Leipzig (1-0), Bayer Leverkusen (4-0) u Real Madrid (2-0). 

Juventus v Man City – Din hija l-aqwa partita tas-sitt ġurnata hekk kif Juventus jilqgħu lil Manchester City minkejja li ż-żewġ timijiet għaddejjin minn kri­żi.

Fi tmiem il-ġimgħa, iż-żewġ timijiet sfaw miżmuma fi draw identiku ta’ 2-2 minn Bologna u Crystal Palace rispettivament. 

Peró, iż-żewġ timijiet għandhom lista ta’ players li qed jirkupraw minn injury. 

Juventus –  Nicolo Savo­na, Weston McKennie, Va­s­i­­lijie Adzic, Douglas Luiz, Nico Gonza­lez u Arkadiusz Milik.

Man City – Rodri, Oscar Bobb, Mateo Kovacic, John Stones, Nathan Ake, Manuel Akanji u Phil Foden. 

Arsenal v Monaco – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fis-seba’ u fit-tmien postijiet, bl-is­tess ammont ta punti iżda b’Arsenal igawdu differenza ta’ goals aħjar. 

Filwaqt li Arsenal ġejjin minn rebħa kbira ta’ 5-1 għand Sporting Lisbon, Monaco sofrew l-ewwel telfa meta f’darhom sfaw megħluba minn Benfica bl-iskor ta’ 3-2 wara li kienu qed jirbħu bl-iskor ta’ 2-1 iżda mbagħad spiċċaw ji­lagħbu bi player inqas me­ta tkeċċa Wilfried Singo li issa huwa sospiż. 

Il-Gunners ma jistgħux jagħmlu użu minn Takehiro Tomiyasu, Martrin Odegaard, Riccardo Calafiori, u Kieran Tierney  għax jinsabu mweġġgħin filwaqt  li Folarin Balogun u Denis Zakaria se jkunu neqsin għat-team Franċiż għall-is­tess raġuni.

Leverkusen v Inter – Din hija logħba klassika hekk kif iċ-ċhampions Ġermaniżi jilqgħu lil dawk Taljani. 

In-Nerazzurri huma wie­ħed minn tliet timijiet li għandhom mhux megħluba … jinsabu fit-tieni post tal-klassifika … bi tliet punti vantaġġ fuq Leverkusen … hekk kif iż-żewġ timijiet qed jimmiraw għall-kwalifikazzjoni awtomatika. 

Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Benjamin Pavard u Fran­cesco Acerbi filwaqt li Patrik Schick, Victor Bo­niface, Jonas Hofmann u Amine Adli, se jkunu neq­sin għat-team immexxi mill-coach, Xabi Alonso, kollha minħabba li qed isofru minn injury.

Atalanta v Real Madrid – Iċ-champions renjanti, Real Madrid, imorru għand Atalanta f’dik li hija meqjusa bħala partita mill-aktar delikata. 

Filwaqt li Atalanta jinsabu fil-ħames post tal-klassifika, il-Madrileni qegħdin fl-24 pożizzjoni wara żewġ rebħiet u tliet telfiet.  

Għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li jistgħu jinqabżu mit- timijiet ta’ warajhom u jsibu ruħhom fiż-żona tal- eliminazzjoni meta jkun għad fadal żewġ partiti għat-tmiem. 

Din tkun l-ewwel darba fl-istorja li rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni ma jgħaddux mal-Aħħar 16.

Min-naħa l-oħra, reb­ħa għall-Bergamaschi tkun tfis­ser pass kbir lejn il-kwa­lifikazzjoni diretta fejn jib­qgħu wkoll mingħajr telfa. 

Iżda huma se jkunu mingħajr l-imweġġgħin, Gian­luca Scamacca, Davide Zappacosta u Juan Cuadrado filwaqt li għall-Madrileni, Eder Militao, David Alaba, Dani Carvajal, Eduardo Camavinga u Ferland Mendy se jkunu neqsin għall-is­tess raġuni. 

Iżda Rod­rygo, Vinicius Junior u Jude Bellingham mistennija jirritornaw. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport