Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi illum ippreżenta l-warrant lil 23 Inġinier u Inġiniera li temmew il-kors ta’ studju tagħhom fl-Inġinerija u għaddew mill-eżami tal-Warrant biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
F’diskors li għamel waqt ċerimonja fil-MUŻA fil-Belt Valletta, il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar is-sinifikat tal-warrant li huwa r-rikonoxximent tal-Istat lejn persuna li bil-warrant tkun tista’ teżerċita professjoni u li allura dan il-fatt iġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar il-ħtieġa li l-Bord tal-Inġiniera jkollu kuntatt aktar regolari ma’ dawk li għandhom warrant u b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Inġiniera u b’entużjażmu, jwettqu proċess li jidentifika x’inhuma ħtiġijiet tal-professjoni. “B’dan il-proċess irridu nifhmu fejn hemm bżonn tmur il-professjoni u kif se naħdmu aktar biex nattiraw aktar żgħażagħ lejn l-inġinerija” saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa stqarr li l-ħtieġa ta’ aktar inġiniera għal pajjiżna hija kbira u qed tkompli tiżdied.
Huwa qal ukoll li l-professjoni tal-Inġiniera hija ċentrali fl-izvilupp ta’ kull pajjiz għaliex hija pilastru fl-immodernizzar tad-dinja. F’din id-dinja teknoloġikament avvanzata hemm bżonn inġiniera li jwasslu l-ideat tagħhom għat-twettieq billi japplikaw il-prinċipji tal-matematika u x-xjenza li jkunu studjaw tul il-kors edukattiv tagħhom.
Il-Ministru emfasiżża ir-responsabbilta tal-Inġiniera biex fil-ħidma kollha li jwettqu jżommu f’moħħhom il-miri ambjentali li għandu pajjiżna fl-ambitu ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li qed tħares lejn is-sena 2050 bħala l-mument meta l-Ewropa tkun ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju.
Huwa qal: “F’dak kollu li tfasslu u toħolqu huwa mportanti li taraw li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emmissjonijiet għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħkom bħalma għandhom ikunu prijoritajiet għall-professjonijiet l-oħra konnessi. Fiż-żmien li ġej se jkunu addottati miżuri marbuta ma’ obbligi Ewropej, biex fil-proġetti kollha li jkunu se jsiru jkollhom il-kunċett ta’ effiċjenza enerġetika implimentat. L-Inġiniera wkoll se jkollhom ir-responsabbilta li jaraw li dak li jfasslu jkun fil-linja mal-miri ambjentali tagħna.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar ukoll lill-Inġiniera fir-responsabbilta tagħhom lejn il-protezzjoni tal-konsumatur u jitħarsu s-sigurta u s-saħħa pubblika. Huwa appellalhom jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ policies nazzjonali u li jkunu attivi biex ikomplu jkabbru ir-rilevanza tal-professjoni tagħhom. Huwa fakkar ukoll lill-Inġiniera fid-dover tagħhom li josservaw il-kodiċi tal-Etika tal-Kamra tal-Inġiniera bil-għan li jaħdmu bl-ogħla standards possibbli u b’hekk iservu lis-soċjeta inġenerali bl-aqwa mod.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li bħala Ministeru responsabbli mis-settur qed jara li l-Bord tal-Inġiniera jingħata r-rizorsi li għandu bzonn biex jgħin fl-izvilupp tal-professjoni tal-Inġiniera.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm iċ-Chairperson tal-Bord tal-Inġiniera, Dr. Noel Camilleri, flimkien ma’ membri mill-istess bord.