Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet meta kelli 15-il sena. Alla jaħfirlu n-nannu tiegħi kien niżżilni l-pitch ta’ San Ġiljan, rajt it-tim jittrenja u saqsewni biex ninżel magħhom għax kont magħmul kbir. Dak iż-żmien jien kont nilgħab il-baketball. Wara li għalaqt l-20 sena, kelli nagħżel bejn waterpolo u basketball u finalment għażilt waterpolo, u ma naħsibx li kienet għażla ħażina!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġiljan ASC.
L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġiljan ASC inqisha waħda mill-isbaħ esperjenzi li plejer jista’ jkollu fil-waterpolo. Dan għaliex jien bdejt nilgħab ma’ dan it-tim meta bħala San Ġiljan konna fit-Tieni Diviżjoni. Konna nirbħu l-unuri f’din id-diviżjoni bil-ħniena, rajt kumitat u tim jinbidel minn fuq s’isfel. Illum il-ġurnata ilna mill-2013 nisfidaw għal kull Tazza, irbaħna u tlifna, peró, ilna meqjusin l-aqwa tim f’Malta mill-2013 ‘l hawn. Hija tassew esperjenza mill-isbaħ!
X’responsabbiltajiet tħoss għall-fatt li int proprju l-captain ta’ dan it-tim?
Ir-responsabbiltá f’dan ir-rwol hija waħda mill-isbaħ għax kif diġá għidt rajt ħafna affarjiet jinbidlu, u dejjem jinbidel xi ħaġa. Trid tkun taf tadatta għal dak li jkun qed jiġri, kif ukoll tinżel il-livell taż-żgħar li jkollok miegħek peró xorta wahda tibqa’ ta’ eżempju. Kien hemm żminijiet fejn din kienet diffiċli, peró, grazzi għall-istess tim u kollegi dejjem bqajt u żammejt it-tim kuntent.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej speċjalment wara li matul is-sajf li għadda nqastu milli tirbħu l-unuri maġġuri?
Ovvjament mhux dejjem tirbaħ, peró, it-tragward tagħna jibqa’ dejjem l-istess, jiġifieri dak li nirbħu kull tazza li tkun disponibbli – dik ħaġa li mhu se tinbidel qatt!
X’tikkummenta fuq l-eks kowċ ta’ San Ġiljan ASC, Zeljko Kovacic?
Kummenti biss ta’ tifħir għandi lejh. Zeljko Kovavic irnexxielu jirbaħ ħafna unuri u serje sħiħa ta’ tazzi wara xulxin, huwa ġab ċerta diixiplina li nemmen li t-tim tagħna kellu bżonn. Il-kummenti tiegħi fuqu se jkunu dejjem pożittivi u dejjem se jibqa f’qalbna u f’qalb il-Ġiljaniżi.
U fuq il-kowċ Marko Orlovic li rritorna fit-tmun ta’ San Ġiljan ASC proprju fil-jiem li għaddew.
Nemmen li l-kowċ Marko Orlovic huwa kowċ tajjeb ħafna, jaf il-logħba ta’ Malta sew, jaf il-plejers sew ukoll, miegħu konna u rbaħna wkoll kif ukoll tlifna. Mhux wiċċ ġdid fil-waterpolo lokali, għaldaqstant jien minn hawn nifraħlu li reġa’ ħa ttmun tat-tim, u nemmen li se naħdmu tajjeb flimkien.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo u x’kien dak li ġiegħlek tirritorna ma dan it-tim wara assenza ta’ sentejn?
Man-nazzjonal dejjem kelli esperjenzi sbieħ speċjalmeent meta nilagħbu fl-Ewropa, dejjem għamilt dak kollu li kelli nagħmel għal Malta, ġejt avviċinat mill-president tal-ASA Karl Izzo, fehemni x’inhuma l- proġett u l-pjan tat-tim, rajt li l-affarjiet ħadu ċerta serjetá iktar minn qabel, u b’hekk iddeċidejt li nerġa’ nifforma parti minn dan it-tim u nipprova ngħin kemm nista’ lit-tim, speċjalment lill-plejers żgħar fl-etá.
X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek fil-waterpolo sa issa, kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?
Kuntent ngħid li kull unur li jeżisti fil-waterpolo lokali, irbaħtu. Fuq bażi personali wkoll irbaħt l-unuri tal-Plejer tas-Sena, Plejer tax-Xahar, man-nazzjonal irbaħt unuri wkoll personali. Naħseb li kelli nirbaħ, irbaħtu kollu u iktar minn darba!
Kif tqis il-livell tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Nemmen li r-riżorsi llum il-ġurnata inbidlu, bil-Pixxina tal-Kottonera ħadna r-ruħ. Is-sena l-oħra bdiet il- faċilitá li l-Pixxina Nazzjonali ikessħuha fis-sajf, allura ma naħsibx li għandna x’ingorru iktar. It-talba tiegħi hija li forsi l-Gvern, SportMalta u min hu involut jgħin biex forsi ssir il-pixxina ġewwa San Ġiljan. Huwa tal-mistħija li San Ġiljan huwa l-uniku klabb bla pixxina tiegħu u għadna sal-lum il-ġurnata ma naraw l-ebda bidla. Paroli dejjem jiġri li se ssir, peró, qatt ma nbidel xejn. Tajjeb ngħidu li San Ġiljan huwa klabb bl-inqas dħul finanzjarju u naħdmu fuq biċċa blata, u jibqa’ wieħed mill-iktar klabbs li kkompeta għall-unuri tul dawn l-aħħar 15-il sena. Naħseb li xi ħaġa trid issir jekk verament irridu li l-waterpolo Malti xi darba jilħaq fejn għandu jilħaq!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Il-futur tiegħi fil-waterpolo issa qed jasal fl-aħħar, peró, sakemm saħħti ttini jien se nibqa’ nilgħab u nibqa’ ngħin lil San Ġiljan ASC.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
L-uniku mod biex fi kwalunkwe sport ikollok suċċess huwa li tittrenja dejjem b’serjetá, iżżomm ‘il bogħod minn ħafna affarijiet ħżiena u taħdem iktar milli jaħdem ħaddieħor!