Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta l-ġenituri tiegħi xtaqu li nibda nipprattika xi tip ta’ sport. Minn etá żgħira ta’ erba’ snin kont bdejt il-hockey bħala l-ewwel sport tiegħi. Biss peró z-ziju tiegħi kien jilgħab il-futbol u beda jħajjarni nibda nitħarreġ ma’ akkademja u minn hemm jien bdejt nitħarreġ ma’ akkademja tal-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġwann FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġwann FC hija waħda pożittiva ħafna. Kien f’Jannar tas-sena li għaddiet li ngħaqadt mal-klabb u ħassejtni milqugħ mill-ewwel. Ma’ San Ġwann FC hemm ambjent pożittiv ħafna u kulħadd għandu l-istess tragward li għandi jiena.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa? U x’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Aħna bħala tim flimkien mal-kowċis u kumitat għamilna tragward fil-bidu tal- istagun li nidħlu mal-ewwel sitta fl-Amateur League 1. Dan ilħaqnieh ukoll biss peró l-affarijiet bħalissa sejrin fit-triq it-tajba għalhekk issa nistgħu nagħmlu tragward ieħor li hu post għall-promozzjoni u bil-ħidma, kwalitá u professjonalitá li għandna bħala tim nemmen li nistgħu nilħqu dan it-tragward ukoll.
X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ San Ġwann FC, Xavier Saliba?
Il-kummenti tiegħi fuq il-kowċ Xavier Saliba huma dawk biss pożittivi li qiegħed jagħmel xogħol pożittiv ħafna b’dedikazzjoni u mħabba. Huwa kowċ żagħżugħ u b’ideat brillanti ħafna. Dejjem ippreparat u lest għal kull sessjoni ta’ taħriġ, huwa kowċ li jinteressa ruħu u jipreparana sew għal kull logħba bl-anqas dettall importanti wkoll.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol f’Malta qiegħed jikber bl-għajnuna tal-plejers barranin li qegħdin ikollna peró dik hija l-problema għaliex aħna ż-żgħażagħ Maltin qegħdin dejjem ninżlu diviżjoni ‘l isfel għaliex mhux qegħdin nieħdu ċ-ċans li jkun ħaqqna biss peró bħala livell ċert li f’kull diviżjoni sar tajjeb ħafna.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?
Aħna bħala tim nittrenjaw fil-grawnd tagħna ta’ San Ġwann FC u bħala logħob ikollna ħafna postijiet differenti bħas-Centenary Stadium, Charles Abela Stadium fil-Mosta, is-Sirens Stadium u jista’ jkun nilagħbu fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun ukoll.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jiena nħobb nimxi pass pass f’ħajti peró bħal kull xewqa ta’ plejer żagħżugħ Malti hi li nagħmilha fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, peró bħalissa t-tragward tiegħi fil-karriera tal-futbol hi li mmorru nilagħbu fil-BOV Challenge League u nqatta’ aktar żmien nilgħab mal-klabb ta’ San Ġwann.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lit-tfal li jixtiequ jagħmluha fil-futbol hu biex ma jaqtgħu qalbhom qatt! Jaħdmu kemm jista’ jkun u jkunu kunfidenti f’dak li jkunu qegħdin jagħmlu!