Friday, December 13, 2024

234 adozzjoni ta’ tfal fl-aħħar 10 snin

Aqra wkoll

Fl-aħħar 10 snin seħħu 234 adozzjoni ta’ tfal li ngħaqdu ma’ familji f’Malta, u l-maġġoranza tal-adozzjonijiet huma minn pajjiżi barranin. L-Indja kien l-aktar pajjiż li minnu kienu adottati t-tfal.

Matul l-aħħar sentejn l-adozzjonijiet naqsu bin-nofs, hekk kif ir-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija affettwaw il-proċessi tal-adozzjoni. Fis-sena 2021 b’kollox seħħu 23 adozzjoni; 19-il tifel u tifla mill-Indja ngħaqdu f’familja f’Malta, tliet adozzjonijiet kienu ta’ tfal mill-Bulgarija, u adozzjoni waħda seħħet f’Malta stess. Fis-sena 2020 ġew konklużi 22 adozzjoni – il-maġġoranza tat-tfal kienu ġejjin mill-Indja (18-il adozzjoni), filwaqt li tnejn kienu ġejjin minn Malta u u tnejn oħra kienu mill-Portugal.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti. Matul din il-konferenza ngħataw dettalji dwar kemm seħħu adozzjonijiet fl-aħħar snin kif ukoll dwar il-fostering u l-permanenza.

“Il-prijorità tibqa’ dejjem it-tfal u l-futur tagħhom u għalhekk irridu nkomplu niffaċilitaw proċessi ta’ fostering u adozzjonijiet bl-għan ewlieni jkun li nagħtu dinjità lil kull tifel u tifla, u fuq kollox futur mimli aspirazzjonijiet u opportunitajiet pożittivi”, qal il-Ministru Michael Falzon.

Fil-preżent hemm 460 tifel u tifla li jinsabu f’kura alternattiva, b’madwar 260 tifel u tifla li ngħaqdu ma’ foster families. Dan il-gvern daħħal fis-seħħ diversi bidliet, permezz tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, sabiex tfal li jkunu fil-fostering fejn qabel setgħu jiġu adottati biss wara 10 snin, dan il-perjodu issa naqas għal 5 snin.

72 tifel u tifla li l-maġġoranza tagħhom diġà ngħataw permanenza ma’ familja. B’ordni tal-Qorti, dawn it-tfal issa jistgħu jgħixu  f’ambjent ta’ familja stabbli, u ma jispiċċawx maqbuda f’nofs kunflitt, jew saħansitra jkollhom jgħixu ħajja fejn ikollhom jimxu minn post għall-ieħor. Dawn huma tfal li kellhom ordni ta’ ħarsien, wara li jkun ġie stabbilit li ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom minħabba diversi ragunijiet.

Dan huwa riżultat ta’ diversi emendi li saru fil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, u li daħlu fis-seħħ f’Lulju li għadda. Permezz ta’ bidliet fil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, il-Qorti kellha d-dover li tiddeċiedi dwar il futur tat-tfal, u bil-għan li tagħti opportunitajiet ugwali lil kull tifel u tifla.

Mill-2018 ‘l hawn koppji li jadottaw minn barra minn Malta bdew jingħataw €10,000 biex itaffu ftit mil-ispejjeż. Dawn l-ispejjeż jinkludu biljetti tal-ajru, akkomodazzjoni fil-pajjiż minn fejn ser jadottaw, spejjeż legali kif ukoll kontijiet għat-traduzzjoni tad-dokumenti minn lingwa għal oħra. Is-sena l-oħra daħlet fis-seħħ ukoll miżura li qed tagħti sa massimu ta’ elf ewro lil dawk li jadottaw minn Malta stess.

Fir-rigward tal-fostering żdiedet l-għajnuna finanzjarja għal persuni li jidħlu għall-irwol ta’ fosterers – għajnuna li issa telgħet minn €70 għal €110 fil-ġimgħa.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti tkellem dwar il-kunċett innovattiv tal-permanenza, fejn issa t-tfal jistgħu jingħaqdu mal-foster family tagħhom wara ħames snin, u f’każijiet eċċezzjonali il-perjodu jista’ jinżel għal tliet snin.

Ekonomija

Sport