L-għadd ta’ turisti li żaru Malta matul Marzu li għadda kien stmat li laħħaq 110,938, li bejniethom qattgħu 739,194 iljieli f’pajjiżna. B’hekk l-għadd ta’ turisti li ġew Malta fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena laħħaq il-235,295 li bejniethom dawn qattgħu aktar minn 1.8 miljun lejl f’pajjiżna.
F’Marzu total ta’ 95,395 turist żaru Malta għal skopijiet ta’ btala, segwiti minn 8,562 turist li ġew għal skopijiet ta’ negozju.
L-akbar għadd ta’ turisti kien dawk ta’ bejn il-25 u l-44 sena, segwiti mninn dawk fl-età ta’ 45-64. Il-parti l-kbira ta’ dawn it-turisti ġew minn Franza, il-Ġermanja u l-Italja li flimkien ammontaw għal 33.6 fil-mija tat-turiżmu kollu li resaq lejn Malta.
L-akbar sehem ta’ ljieli, 83.9 fil-mija, kienu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni mikrija It-tul medju li qattgħu f’Malta kien ta’ 6.7 iljieli.
In-nefqa totali tat-turisti qabżet it-€80.1 miljun. In-nefqa medja għal kull lejl kienet stmata għal €108.4.
Ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li t-turiżmu lejn pajjiżna qed jirpilja anki jekk b’mod kajman tant li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena żaru Malta mhux inqas minn 235,295, filwaqt li l-iljieli qattgħu hawn qabżu 1.8 miljun lejl.
In-nefqa totali li dawn iġġeneraw fl-ekonomija nazzjonali kienet stmata għal €167.1 miljun li tfisser li t-turisti neqfu ras għal ras €710, inqas mill-€916 fis-sena 2021.