Friday, April 3, 2026

238 sena mill-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex

Aqra wkoll

Din is-sena kellha tkun il-238 darba li mill-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex tinħareġ il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, meqjusa bħala l-aktar waħda antika fil-gżira Għawdxija.

Minħabba li fir-Rabat Għawdex hemm żewġ parroċċi, din il-purċissjoni toħroġ darba f’sentejn fil-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li fis-sena ta’ wara tinħareġ f’Ħamis ix-Xirka. Din is-sena, kellu jmiss li l-qedem purċissjoni f’Għawdex issir fil-jum propja dak tal-Ġimgħa l-Kbira. Minħabba l-maltemp però l-purċissjoni din is-sena kellha titħassar.

Ta’ min isemmi li ta’ kull sena takkumpanja din il-purċissjoni jkun hemm il-Banda Ċittadina La Stella li doqq marċi funebri ħafna drabi miktubin mis-surmast preżenti u anke surmastrijiet passati tal-istess soċjetà fosthom il-Prof. Joseph Vella.

Meta bdiet din il-purċissjoni

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ persuni li tista’ tgħid tieħu ħsieb din il-purċissjoni u b’dedikazzjoni kbira tara li kollox ikun organizzat b’mod perfett.

“Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Bażilika ta’ San Ġorġ tal-Belt Victoria hija l-eqdem waħda f’Għawdex. Għalkemm s’issa ma nstab xejn fuq it-tnissil tagħha, nafu fiċ-ċert illi fl-1809 kienet diġà ssir minħabba li tissemma fil-viżta pastorali ta’ l-Isqof Mattei.

“Iżda l-istatut li sar għall-fratellanza tad-Duluri tal-knisja filjali ta’ San Ġakbu, fl-1788, jgħid li din il-fratellanza kellha d-dmir li tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ San Ġorġ. Dan ir-regolament jikkonferma li din il-purċissjoni kienet diġà teżisti qabel l-1788,” tgħidilna l-persuna mill-Bażilika ta’ San Ġorġ li għaddiet tagħrif li kienet ġabret mill-istoriku Frank Bezzina.

Ħames waqfiet

Il-purċissjoni kienet tagħmel ħames waqfiet quddiem ħames knejjes u quddiem kull waħda kien isir ‘fervorin’ jew priedka.  X’aktarx li l-knejjes kienu jkunu San Ġakbu, Savina, Santu Wistin, San Franġisk u mill-ġdid San Ġakbu jew San Ġorġ. 

“Wara kull fervorin kienu jindaqqu xi żewġ daqqiet bil-vjolin, u mbagħad il-purċissjoni kienet tkompli fi triqitha. Billi f’dan iż-żmien ma kienx għadhom ġew imwaqqfa l-baned, fil-purċissjoni – sewwasew quddiem l-istatwa tal-Ort – kienu jdoqqu arji melankoniċi bil-fifra u t-tambur, liema arji kienu jindaqqu wkoll quddiem l-ikkundannati,” tkompli tirrakkonta magħna l-persuna mill-Bażilika.

Il-fratellanza tal-Kurċifiss tieħu f’idejha l-purċissjoni

Fl-1893, bil-ħidma ta’ l-Arċipriet Mons. Feliċ Refalo u l-viċi-parroku Dun Vinċenz Zammit, ġiet imwaqqfa l-fratellanza tal-Kurċifiss. Is-sena ta’ wara, fl-1894, din il-fratellanza ħadet f’idejha l-organizzazzjoni tal-purċissjoni, minflok il-konfraternità ta’ Ġesù u Marija.

Fir-reġistru tal-Esito tal-fratellanza ta’ Ġesù u Marija għas-snin 1742-1743, insibu aċċenn li ntefqu 3 tari sabiex inxtraw ħbula għad-“dixxiplina”.  

Din in-nota hija ta’ interess għax nafu li sa l-1668 il-fratelli ta’ San Ġużepp tar-Rabat ta’ Malta, fil-ġmiegħi tar-Randan, wara kull purċissjoni kienu jifflaġellaw lilhom infushom bil-magħluq, filwaqt li f’Palermo nsibu li l-fratelli tad-Duluri kienu jifflaġellaw lilhom infushom waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

“Insibu wkoll li fiż-żjara pastorali ta’ l-Isqof Publiju Maria Sant fl-1848, fuq l-iskannell tal-artal ta’ l-Erwieħ kien hemm statwa żgħira tal-Ecce Homo bil-wieqfa, liema statwa kienet ġiet mogħtija xi indulġenzi mill-Isqof Mattei fl-1829.  

“Din l-istess statwa kienet ittieħdet fil-knisja filjali ta’ San Ġakbu.  Ma nafux jekk l-istatwa li semmejna qattx ħarġet fil-purċissjoni. Jista’ jkun li fil-bidu, il-purċissjoni ta’ San Ġorġ kellha kemm statwi kbar kif ukoll żgħar bħal din li għadna kemm semmejna,” tgħidilna l-persuna li tista’ tgħid tieħu ħsieb il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’San Ġorġ.

L-Imgħobbi jittieħed f’Ta’ Kerċem

Fil-passat kien hemm diversi instanzi fejn wieħed jieħu statwi ta’ parroċċa, f’parroċċa oħra f’Għawdex stess, u din l-istess statwa tispiċċa proprjetà ta’ post ieħor. 

Sal-lum dawn l-istejjer għandhom jingħadu, u ma jistax jonqos li hemm storja wkoll dwar l-Imgħobbi (ir-Redentur) li kien jintuża fil-passat fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.

“Jingħad li l-Imgħobbi li hemm Ta’ Kerċem kien ta’ San Ġorġ ukoll. Dan minn sena għall-oħra kien jintrefa’ fil-knisja filjali ta’ San Ġużepp tas-Suq u għal xi raġuni – probabbli minħabba nuqqas ta’ spazju – din l-istatwa ttieħdet fil-knisja parrokkjali Ta’ Kerċem,” tirrakkonta magħna l-persuna mill-Bażilika ta’ San Ġorġ. 

L-irġiel ikaxkru l-ktajjen bħala penitenza

Tradizzjoni li ilha għal aktar minn 200 sena hija li l-irġiel ikaxkru l-ktajjen… Ħafna minnhom jgħamlu dan bħala penitenza jew inkella għax ikunu qalgħu xi wegħda matul is-sena ta’ qabel.

Din kienet xi ħaġa komuni ħafna fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ li ħafna rġiel minn madwar Għawdex kollu kienu jagħmlu l-wegħdi u jekk jaqilgħu dik il-grazzja allura fis-sena ta’ wara jkaxkru l-ktajjen fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Fil-fatt, wara l-ewwel erba’ vari – Ta’ l-Ort, Tal-Kolonna, Tal-Porpra u l-Imgħobbi – ħafna rġiel ikaxkru l-ktajjen bħala penitenza jew bħala radd il-ħajr lil Alla għal xi grazzja li jkunu qalgħu. 

Din id-drawwa, li tmur lura ħafna fiż-żmien, hija t-timbru speċjali li jagħmel mill-Ġimgħa l-Kbira ta’ San Ġorġ purċissjoni devota u penitenzjali.  

Jingħad li ġiet minn Spanja, għalkemm fi Sqallija kien hemm ukoll din l-użanza. Nafu li l-ilsiera tax-xwieni ġieli għamlu wegħdi li jekk jinħelsu jkaxkru l-piż tal-katina li biha kienu jkunu marbuta.

Statwi antiki li nbidlu maż-żmien

Bħal statwi oħra il-Veronika li tifforma parti mis-sett tal-Ġimgħa l-Kbira mhijiex l-ewwel waħda. Fil-Mużew tal-Bażilika Il-Ħaġar wieħed għadu jista’ jara Veronika antika tal-kartapesta. Din baqgħet tinħareġ sal-1916 u kienet inxtrat mingħand id-Dumnikani tal-Birgu. 

Jingħad illi l-Veronika l-qadima hija xogħol il-barbier Saver Laferla minn Ħaż-Żebbuġ, li fl-1742 kien ħadem statwi tal-Ġimgħa l-Kbira għal Ħaż-Żebbuġ u għall-Belt.

Kristu Mejjet tal-lum żgur li m’huwiex l-ewwel Monument. Jingħad li Kristu Mejjet li hemm esebit fil-Mużew Il-Ħaġar u li għamel żmien fis-sagristija ta’ San Ġakbu kien il-Monument ta’ San Ġorġ.  

Il-vara tad-Duluri inħadmet fl-1982 minn Michael Camilleri Cauchi.  Hija replika tad-Duluri tal-knisja ta’ San Ġakbu.  Din il-vara kien ħallas għaliha l-isqof ta’ Għawdex Mons. Nikol Ġ. Cauchi.  Bħal statwi oħra l-istatwa tad-Duluri m’hix l-ewwel waħda li kienet tinġarr f’din il-purċissjoni.  

Sal-1981 kienet tinġieb id-Duluri ta’ San Ġakbu. Iżda d-Duluri li hemm San Ġakbu, li nġabet fl-1876, lanqas mhi l-ewwel waħda. 

Dik ewlenija llum tinsab fil-knisja parrokkjali tal-Qala. Meta saret, fl-1806, il-fratelli tad-Duluri kellhom xi ftit tal-inkwiet mal-artist għax dehrilhom li dan ma kienx ħadimha kif riedu huma.

Jieħdu sehem madwar 300 persuna

Matul is-snin, il-pruċissjoni baqgħet tikber tant li llum hu stmat li jieħdu sehem fiha madwar 300 persuna. Ħafna minnhom għadhom iġorru l-ktajjen b’penitenza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport