Illum, għall-ħabta ta’ 12.30pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn lassistenza minħabba li raġel kien waqa’ fl-inħawi tal-Għar ta’ Santa Marija ħdejn il-Bajja ta’ Riviera, limiti tal-Imġarr.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post indikat fejn mill-ewwel intalbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll ta’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Fuq il-post intbgħatet patrol boat u ħelikopter, bdiet l-operazzjoni ta’ salvataġġ u r-raġel, li huwa Franċiż u għandu 18-il sena, ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat Dr Monica Borg Galea LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Raġel jiġi salvat wara li sab ruħu f’diffikultajiet fil-Ġnejna
Raġel ta’ madwar 20 sena ġie salvat mill-Forzi Armati ta’ Malta wara li aktar kmieni sab ruħu f’diffikultajiet biex jitla’ lura minn Ta’ Marija Cave fil-Ġnejna.
Permezz ta’ ħelikopter tal-AFM, ir-raġel twassal ħdejn tim mediku li kienu lesti biex jagħtu l-ewwel għajnuna.
Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei minħabba xi ġrieħi li sofra.
Il-kundizzjoni tar-raġel s’issa għadha mhix magħrufa.