“Il-25 ġurnata u għadna bla risposti. 25 ġurnata li lanqas biss nafu din it-tifla fejn tista’ tkun. 25 ġurnata ta’ mistoqsijiet kontinwi. Fejnha din it-tifla? Irridu r-risposti issa, illum qabel għada, għax it-traċċi ta’ din it-tifla kollha se jintilfu. Għidulna fejnha din it-tifla.”
Dan kien l-appell imqanqal tal-foster parent tat-tifla ta’ seba’ snin li tinsab taħt ordni ta’ ħarsien li allegatamnet tħarrbet minn Malta minn ommha. Għaddew 25 ġurnata u jidher li l-foster family baqgħet b’numru ta’ mistoqsijiet li qegħdin jinkwetawhom, iżda sfortunatament ma kellhomx risposti.
Il-foster parent qalet li ordni tal-ħarsien tfisser il-qorti jieħu tfal minn dik il-familja għal raġunijiet varji u jaqgħu taħt il-kura tal-Ministru u l-Istat, “u aħna bħala l-kuraturi ta’ dawn it-tfal irridu nieħdu ħsiebhom bħala uliedna. Il-ġenituri bioloġiċi ma jkollhomx drittijiet fuq dawn it-tfal sakemm tibqa’ fis-seħħ il-care order. Hawn mien qiegħed jistaqsi, ‘dik mhux ommha?’. Iva veru ommha imma qatt ma setgħet toħroġha minn Malta illegalment b’passaport falz, wisq aktar tikser il-careorder. Dan hu reat gravi u tifla f’dan il-każ tiġi maħtufa (abducted). B’hekk qegħdin nagħmlu dan kollu biex tinsab.”
Ftit tal-jiem ilu, dan il-ġurnal kien tkellem ma’ din il-foster parent fejn kienet qalet li qalbhom ma kinitx se tistrieħ qabel ma jkunu jafu li din it-tifla qiegħda sikura u li għandha l-affarijiet kollha li tifla ta’ seba’ snin għandha bżonn. Hija kienet qalet li tinsab verament irrabbjata dwar il-fatt li tifla ta’ seba’ snin ħarġet minn Malta allegatament b’passaport falz.
Il-minorenni kienet tgħix ma’ din il-foster family minn mindu kellha sitt xhur u mit-Tnejn sal-Ġimgħa kienet qiegħda magħhom. Fi tmiem il-ġimgħa hija kellha aċċess mhux sorveljat ma’ ommha. Dan l-aċċess kien possibbli wara deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni, fejn anke l-minuri stess kienet esprimiet ix-xewqa li tqatta’ iktar ħin ma’ ommha.
Il-foster parent qalet li ilha ma tisma’ leħen din it-tifla mill-11 ta’ Ottubru tant li nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar.
F’kummenti magħna ftit tal-jien ilu, il-foster parent qalet li t-tifla kienet għadha mfittxija u żiedet tgħid li ma jafux jekk għadiex fl-Ewropa jew jekk marritx barra mill-Ewropa. “Huma identifikaw fejn waslet bl-ajruplan imma ma identifikawx fejn qiegħda t-tifla. Ħadd ma llokalizza fejn qiegħda t-tifla,” kienet qalet il-foster parent.
Kelliem għall-Pulizija kien qalilna li l-pulizija qiegħda ssegwi l-iżviluppi u tassisti lid-Direttorat tat-Tfal. Kien intqal li l-omm siefret lejn pajjiż fiż-żona Shengen u rriżulta li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew. Il-Pulizija tkellmet mal-Europol biex tassisti fil-każ u tgħin biex tiġi lokalizzata t-tifla.