Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni arrestat 25 persuna li nstabu li qegħdin jirrisjedu fil-pajjiż b’mod irregolari. Il-Pulizija arrestat ukoll raġel Malti li mistenni jitressaq il-Qorti b’akkużi relatati mal-iffaċilitar tal-immigrazzjoni irregolari.
Dawn il-persuni nstabu waqt spezzjonijiet li saru fuq it-trasport pubbliku, f’residenza, f’Paceville u f’kontroll tat-traffiku fil-Marsa. Dawn il-persuni ser jinżammu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm jitneħħew mill-pajjiż.

Waqt kontroll tat-traffiku li sar it-Tnejn filgħodu fil-Marsa ġew imwaqqfa 52 vettura u inħarġu wkoll diversi taħrikiet fosthom b’rabta ma’ vetturi mgħobbija aktar milli suppost u persuni mingħajr ċinturin tas-sigurtà. Kien hemm ukoll vettura li ġiet irmunkata minħabba li kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.
Preżenti għall-kontroll tat-Traffiku kien hemm, Jobs Plus, Identità, l-Aġenzija għas-Servizzi ta Detenzjoni kif ukoll Transport Malta.