Wieħed mill-hijackers tal-Afriqiyah Airways kien ikkundannat 25 sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-ħtif tal-ajruplan f’Diċembru tal-2016.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu fit-23 ta’ Diċembru 2016 meta l-ajruplan kien se jagħmel titjira minn Sebha għal Tripoli.
Ġara li meta kien fl-ajru, dan ingħata l-ordni b’mod illeġittimu minn żewġ persuni u sussegwentement niżel fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Abbord kien hemm 111-il passiġġiera, 6 membri tal-ekwipaġġ, waqt li l-pirati tal-ajru kienu 2. Minnufih bdew in-negozjati bejn l-awtoritajiet Maltin u l-kaptan tal-ajruplan fejn waslu f’arranġament biex l-ewwel jinżlu l-passiġġiera fi gruppi ta’ 25 minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Warajhom tniżżlu l-ekwipaġġ u l-pirati.
Mill-investigazzjoni li għamlu l-Pulizija rriżulta li l-armi li ntużaw mill-pirati kienu repliki u li waqt it-titjira l-pirati taw ittra liċ-chief officer fejn kellu miktub li l-ajruplan kellu jinżel Ruma inkella “jisploduh.” L-ekwipaġġ iżda rnexxielhom jikkonvinċu lill-pirati biex jinżlu Malta.
Kien proprju f’jum il-Milied tal-istess sena meta tressqu l-Qorti l-Libjani Soko Moussa Shaha Ali ta’ 29 sena u Ali Ahmed Saleh ta’ 30 sena u ġew mixlija b’akkużi dwar il-ħtif tal-ajruplan u terroriżmu.
Fi Frar li għadda, Shaha Ali wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u aktar kmieni llum il-Qorti Kriminali kkundannatu piena ta’ 25 sena priġunerija effettiva. Huwa kien ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €9,099 fi spejjeż tal-Qorti.
L-akkużat l-ieħor, Ahmed Saleh, ukoll ammetta għall-akkużi u qed jistenna li jingħata sentenza.