Saturday, November 23, 2024

25 sena mill-ftuħ taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

Il-Partit Laburista jemmen f’demokrazija sħiħa u fit-tisħiħ tal-kommunitajiet bħala mezz għall-progress fis-soċjetà. Wara l-elezzjoni tal-1992, l-ewwel li ngħatat attenzjoni b’mod urġenti kienet il-ħtieġa ta’ kwartieri ġodda. Kien żmien li matulu riedu jagħtu direzzjoni ta’ tip ġdid lill-Partit Laburista u fl-istess ħin ikunu qrib iċ-ċittadini speċjalment bla dubju dawk Laburisti. Qabel iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun, il-Partit Laburista diġà kellu l-kwartieri tiegħu iżda 25 sena ilu kienu ddeċiedew li jibnu wieħed ġdid bħala sinjal tal-immodernizzat li l-Partit kellu jgħaddi minnu.

Kienu jgħidulhom li qed jaraw kbir wisq u li mhux se jaslu. Iżda bil-ħila tat-tim kbir li ħadem bi sħiħ u li daħal għall-isfida, 25 sena ilu infetaħ iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Il-lokazzjoni tal-Kwartieri ġodda tal-Partit Laburista kienu ta’ importanza minħabba l-fatt li diversi attivisti kienu jilmentaw li l-Maċina kienet imwarrba wisq għalihom u għalhekk dan kien ifisser li l-kwartieri l-ġodda kellhom isiru f’post li jintlaħaq minn Malta kollha permezz ta’ karozza waħda tal-linja. Fil-prattika dan fisser li l-kwartieri l-ġodda kellhom jiġu jew il-Belt, il-Furjana, il-Blata l-Bajda jew fil-bidu ta’ Tal-Pietà.

Alfred Sant kien strumentali biex il-Partit Laburista jkollu kwartieri ġodda fil-Ħamrun. Fl-20 ta’ Frar 1994, Sant bħala l-Mexxej Laburista, fil-preżenza tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, George Abela, poġġa ġebla kommemorattiva taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Dan kien ifisser il-bidu ta’ dan il-proġett tant importanti biex ikun hemm bini ta’ Ċentru fejn isiru laqgħat tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista kif ukoll tad-diversi fergħat tal-Partit.

Sant jiftakar li problema minnhom kienet x’se jsemmu l-kwartieri ġenerali l-ġdid. Waqt laqgħa ma’ ġurnalisti tal-Partit u Evarist Bartolo qal: Il-każini Laburisti fil-lokalitajiet qed insejħulhom ċentri Laburisti lokali; dan għandu jissemma ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Fl-istess żminijiet fejn kienu qed jixtru u wara jwaqqgħu r-Radio City u bdew jibnu, kienu qed jirriformaw il-One Radio biex isir kollu tal-Partit mhux jibqa’ joint venture mal-privat. Fl-istess waqt kienu għaddejjin b’ħidma biex iġeddu l-politika tal-PL fid-diversi oqsma u għalhekk kienu qed jiltaqgħu ma’ faxex sħaħ tal-poplu u r-rappreżentanti tagħhom.

Fil-ħarġa ta’ It-Torċa tal-Ħadd li ġej se jkun hemm diversi intervisti ma’ eks-Presidenti tal-PL kif ukoll mal-President attwali tal-PL fejn se nistaqsu għaliex dak il-jum ta’ 25 sena ilu kien importanti għall-Partit u kif il-Partit baqa’ jiġġedded 25 sena wara.

Sport