Friday, December 20, 2024

25 sena mill-mewt ta’ Ġorġ Pisani, il-Poeta t’Għawdex

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li ġej jaħbat il-25 anniversarju mill-mewt ta’ wieħed mill-poeti kbar Għawdxin u Maltin, Ġorġ Pisani. Huwa ħalla din id-dinja nhar l-24 ta’ Frar 1999. Ġorġ Pisani jibqa’ magħruf l-aktar għall-importanza li huwa ta fil-poeżija tiegħu lil Għawdex bħala post sabiħ u mimli paċi.

Kif jikteb J.P. Borg, “waqt li jitkellem dwar bosta problemi soċjali u umani, l-aħjar xogħlijiet tiegħu huma mnebbħa mill-imqades u mill-imkejjen tal-qedem. Aktarx għalhekk li Ġużè Chetcuti jsejjaħlu ‘l-poeta tal-istorja’ għax għadd ġmielu ta’ poeżiji li kiteb għandhom tema preistorika bħal Ħaġar Qim, Il-Ġgantija t’Għawdex u Għar Dalam.”

Iżda ibnu, Paul George, f’intervista li ta lil Fiona Vella fl-2014 u li dehret f’dan il-ġurnal fis-sensiela “Kobor il-Malti”, jgħid: “Jien aktar naħseb li kien jixtieq jibqa’ magħruf bħala l-Poeta ta’ Għawdex. Kellu mħabba kbira għal dil-gżira kif jixhdu bosta mix-xogħolijiet tiegħu, fosthom l-Innu Għal Għawdex li f’Għawdex għadu jindaqq meta jispiċċa xi programm tal-banda u warajh jindaqq l-Innu Nazzjonali.”

Bin Għawdxi u Bormliża

Ġorġ Pisani twieled ir-Rabat Għawdex nhar is-6 ta’ Mejju 1909, u kien it-tifel iż-żgħir minn erbgħa ta’ Pawlu, negozjant Għawdxi tal-inbid, u Tereża mwielda Calleja, Maltija minn Bormla, li kienet tgħix Għawdex flimkien mal-familja tagħha u kienet magħrufa bħala Żeża. Ġorġ għex it-tfulija tiegħu f’dar kbira fi Triq it-Tiġrija, illum magħrufa bħala Triq ir-Repubblika, prattikament l-arterja prinċipali tal-gżira Għawdxija. Ġorġ attenda l-iskola primarja tal-Gvern u wara l-Liċeo ta’ Għawdex.

L-ewwel Poeżiji u novizz Kapuċċin

Pisani jgħid li l-ewwel attentat ta’ poeżija tiegħu kien “sunett” fl-okkażjoni tal-festa tal-Assunta. Kien Monsinjur Luigi Vella li inkoraġġieh jikteb. Dan Vella kien rumanzier, poeta, teologu u kittieb Għawdxi. Jidher li f’żgħożitu, Pisani, bniedem riservat ħafna, kellu xi delużjoni ta’ mħabba li kidditu ħafna tant li rari tkellem dwarha ħlief permezz tal-iżvog f’xi poeżiji, fosthom ‘Għanja Moħbija’ u ‘Kelma Nassiesa’.

Għal xi żmien, Pisani ħass is-sejħa reliġjuża u beda n-novizzjat mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini. Fl-Ordni Franġiskan, Pisani ħa l-isem ta’ Fra Alipju. Mal-Kapuċċini, huwa studja l-letteratura klassika u t-teoloġija. Kien f’dan iż-żmien li Pisani beda jikteb poeżiji bil-Malti fir-rivista tal-Kapuċċini, L-Immakulata. Iżda kif kiteb Carm C. Cachia, “Donnu lanqas fil-protezzjoni ta’ dan il-post qaddis, ma sab il-paċi interna li kien qed ifittex.” U hekk, wara xi żmien, Pisani ħalla n-novizzjat għalkemm il-kariżma Franġiskana baqgħet qawwija fih tul ħajtu kollha.

L-ewwel għalliem tal-Malti fil-Liċeo

Pisani ingħaqad mal-istaff editorjali ta’ The Times of Malta u Il-Berqa, u fl-1933 kien l-editur tal-paġna letterarja ta’ Id-Dinja, ġurnal li ma damx joħroġ. Daħal ukoll għalliem u ħadem fil-qrib ma’ E.B. Vella fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jinġabar materjal didattiku għat-testi tat-tagħlim tal-Malti Ġabra ta’ Ward li ħarġu fl-1930. Pisani nħatar l-ewwel għalliem tal-Malti fil-Liċeo ta’ Għawdex fl-1935. Kien f’dan l-istess żmien li Pisani daħħal l-istudju tal-Malti fis-Seminarju ta’ Għawdex u fl-1936 introduċa t-tagħlim tal-Malti lill-għalliema Għawdxin tal-iskejjel primarji.

Bejn l-1931 u l-1935, Pisani rebaħ diversi kompetizzjonijiet organizzati minn Leħen il-Malti u l-Pronostku Malti. Fl-1939, huwa kien ko-fundatur tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti.

Mad-DOI fi żmien il-Gwerra

Fl-1940, Pisani daħal jaħdem bħala traduttur u aktar tard bħala ko-editur tal-Information Service Bulletin bil-Malti fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni, il-Belt Valletta. Fl-istess żmien, huwa għallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-Bniet fil-Belt u lill-istudenti bniet tas-Sacred Heart f’San Ġiljan.

Ġorġ Pisani sar Assistent Uffiċjal tal-Informazzjoni għal Għawdex fl-1942, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa fetaħ Information Bureau kważi fl-irħula kollha ta’ Għawdex. Pisani kellu sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ mingħand il-bdiewa Għawdxin, xi ħaġa li ma kienet faċli xejn għax dan kien għalihom bħal teżori tal-familja li stinkaw u ħadmu għalih bl-għaraq ta’ ġbinhom.

Fil-gżira ta’ Malta, l-ikel kien kważi spiċċa għal kollox u bdiet issir pressjoni kbira fuq Għawdex. Darba minnhom, lil Pisani kienu għoddhom ħaġġruh, meta dan mar jipprova jkellem lil xi bdiewa biex jagħtuh il-qamħ għall-Maltin. Imma mbagħad, bl-għajnuna tal-kappillani Pisani rnexxielu jsib mod kif jikkonvinċihom. Spjegalhom li jekk ma kinux se jgħinu, Malta kien se jkollha ċċedi għall-għadu.

Barra minn hekk, Pisani offrielhom li jekk kellhom bżonn xi razzjon minn Malta, meta jitla’ bit-trakk għall-qamħ, itella’ miegħu dak li jkunu talbuh. Dawn l-esperjenzi kienu eventwalment nebbħuh biex fl-1945 jikteb l-iskeċċ Il-Ġabra tal-Qamħ. Fl-1957, Pisani nħatar bħala l-ewwel Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fid-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Għalliem tal-Poplu u Xandâr

Wara l-Gwerra, Pisani reġa’ daħal għalliem u għallem il-Malti, ir-Reliġjon, l-Istorja u l-Latin fil-Liċeo ta’ Għawdex, filwaqt li baqa’ jaħdem ukoll fid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Kif tinżel ix-xemx, huwa kien juri l-films fil-pjazez Għawdxin biex jeduka ’l-poplu u jżommu aġġornat fuq ġrajjiet kurrenti.

Fil-Banca Giuratale, fir-Rabat, Pisani fetaħ Uffiċju Informazzjoni b’kamra għall-qari attrezzata ħafna fejn wieħed kien isib jaqra ġurnali, rivisti u kotba dwar dibersi suġġetti. Fuq inizjattiva tiegħu wkoll, kienu installati loudspeakers tar-Rediffusion fil-pjazez ta’ Għawdex mnejn il-poplu seta’ jisma’ l-aħbarijiet u l-avviżi tal-Gvern.

Pisani ħadem kemm felaħ biex itejjeb il-qagħda tal-Għawdxin u kien pijunier tax-xandir f’Għawdex. F’Għawdex, kien hemm refuġjat Ħamruniż, ċertu Vella, li ħareġ b’sistema rudimentali li kienet taħdem bil-linji tat-telefon u permezz tagħha, Pisani beda jxandar il-programmi u jinstema’ fil-pjazez Għawdxin.

Is-Sengħa tal-Imħabba

Pisani kien isiefer ħafna u l-għaxqa tiegħu kienet li jsegwi xi dramm meta jkun barra. Hekk, huwa kien espost għat-teatru tal-kontinent. Minbarra Il-Ġabra tal-Qamħ, huwa kiteb sitt drammi qosra oħra: Is-Sengħa tal-Imħabba (1945), L-Għanja tar-Rebbiegħa (1947), Il-Kewkba (1949), Apoteosi (1978) u Is-Sigriet ta’ Swor Kristina (1978).

Dramm minnhom, Is-Sengħa tal-Imħabba, kien kummiedja soċjali li ġabu fl-inkwiet. Fi kliem ibnu, dan “kien jitratta t-tema ta’ familja li titfarrak meta tidħol bejniethom it-tielet persuna. Id-dramm kien jispiċċa bi tmiem negattiv li jqanqal bosta mistoqsijiet… Kien qam pandemonju sħiħ għax kien hemm min tkaża bis-suġġett tad-dramm. Ngħiduha kif inhi, illum tidħak jekk tarah. Imma f’dak iż-żmien, għalkemm kulħadd kien jaf li kien hemm il-problemi fil-familji, in-nies kienet taħbihom taħt it-tapit bla ma ħadd kien jipprova jara kif se jsolvihom.”

Iżda agħar minn hekk kien editorjal kattiv f’Leħen is-Sewwa, il-ġurnal tal-Azzjoni Kattolika, li rrabja lil Pisani u affettwalu wkoll saħħtu, anki jekk is-soltu ma kien iħalli xejn ikiddu. “Min kiteb l-editorjal, b’malizzja semma li ma kienx sewwa li għax ikollok esperjenza ħażina f’ħajtek, tmur iċċappasha fuq il-palk. Naturalment kien qed jirreferi għall-istorja ta’ mħabba li kellu missieri f’żgħożitu. U din tant tatu ġewwa, li għamel libell lill-ġurnal, għalkemm xorta tilfu għax l-imħallef qal f’sentenza klassika li ma kienx sewwa li fuq il-palk tipproġetta sitwazzjonijiet mhux feliċi tal-ħajja!”

Awtur Prolifiku

Ġorġ Pisani ħareġ erba’ kotba ta’ poeżiji: L-Għid taż-Żgħożija (1945), Il-Waltz tad-Dellijiet (1951), Melodiji u Kuluri (1953), u It-Trijonf u Poeżiji Oħra (1984); seba’ drammi; ġabra ta’ għoxrin novella fl-1946; ġabra ta’ esejs Evviva l-Ħajja (1963); żewġ rumanzi, Beraq u Qawsalli (1976) u Żerniq fuq l-Għoljiet (1982); u żewġ ġabriet ta’ leġġendi Għawdxin, Għawdex Joħlom fil-Leġġendi (1980) u Mill-Gzira tal-Ħolm (1995).

Wara mewtu, fis-sena 2000, Oliver Friggieri stampa antoloġija mill-kotba kollha ta’ Pisani filwaqt li fl-istess sena, ibnu Paul ippubblikalu Id-Duwa tal-Maddalena, ġabra oħra ta’ tagħrif folkloristiku.

Meta jiena kelli x-xorti nintervistah

Nhar it-8 ta’ Awwissu 1996, meta jiena kont student universitarju ta’ 21 sena, nistudja għall-Baċellerat tal-Malti, kont qiegħed Għawdex ma’ sħabi l-membri tal-Museum ta’ San Ġiljan. Wieħed mill-membri, William Camilleri minn Raħal Ġdid xtaq jintervista lil Ġorġ Pisani. Għall-ewwel, Pisani, li dik il-ħabta, kellu 87 sena, deher li ma tantx xtaqha l-intervista għax kif stqarr magħna, issa li xjaħ kien jegħja malajr u ma kienx qed jagħti intervisti lill-ġurnali.

Iżda għal xi l-erbgħa ta’ wara nofsinhar erġajna morna r-Rabat, quddiem id-dar tiegħu, u aċċetta li nagħmlulu intervista qasira ta’ kwarta li kif qalilna hu meta spiċċa, “Veru l-Bambin riedha, għax ma kellix speranza li nagħmilha!” Dawn li ġejjin huma s-siltiet ewlenin minn din l-intervista li mbagħad konna ppubblikajna f’rivista ċkejkna tal-Qasam ta’ San Ġiljan, bl-isem Stater:

L-awtur: Nirringrazzjawk li aċċettajt li tagħtina din l-intervista. Nixtieq nibda billi nistaqsik, jekk hemmx xi poeżija li togħġbok l-aktar?

Pisani: Il-poeżiji tiegħi għalija kollha sbieħ għax kollha huma prodotti tiegħi. Iżda l-poeżiji tiegħi marbutin ma’ Malta tal-qedem bħal Ħaġar Qim u Il-Ġgantija, dak iż-żmien li ktibthom kienu uniċi.

L-awtur: Il-poeżija llum baqagħlha siwi?

Pisani: Il-poeżija terfa’ l-ispirtu, anke terfagħna lejn Alla. Hija l-elevazzjoni tal-ispirtu. Mingħajrha nsiru materjalistiċi.

L-awtur: X’kienet l-iktar ġrajja importanti f’ħajtek?

Pisani: Is-suċċess li kelli fil-kitba tiegħi. Qatt ma ħsibt li se jkolli dak ir-rispons kollu. Kont mingħalija li mhu qed jaqrahom ħadd u nsib li l-iktar nies letterati ta’ dak iż-żmien kienu qed jaqrawhom, Sir Temi Zammit, il-Professur Cuschieri, Dun Karm, kollha inkoraġġewni biex inkompli nikteb. L-isbaħ jum ta’ ħajti kien meta rċevejt ittra mingħand Dun Karm, fejn qalli li hu l-Poeta ta’ Malta u jiena l-Poeta ta’ Għawdex.

L-awtur: Aħna membri tal-Museum. Lil Dun Ġorġ tiftakru? U kif tħares lejha s-Soċjetà tal-Museum?

Pisani: Għaqda li żgur kienet ispirata mis-sema. Għalija Dun Ġorġ huwa wieħed min-nies il-kbar, li ġab fuq saqajha l-Knisja f’Malta. Jistħoqqlu l-unur tal-altari mill-aktar fis. Jiddispjaċini li qatt ma ltqajt miegħu iżda niltaqa’ miegħu fl-ispirtu ta’ dawk li jimxu fuq il-passi tiegħu.

L-awtur: Għandek xi proġetti għall-futur?

Pisani: U kemm għandi kieku! Għadni kif ħriġt Mill-Gżira tal-Ħolm li qaluli sejjer tajjeb ħafna.

Ġorġ Pisani kien ħalliena bil-kliem “Il-Bambin ikompli magħkom biex tkomplu tagħmlu l-ġid!” Probabilment, din kienet l-aħħar intervista li huwa ta qabel miet.

Ekonomija

Sport