Sqalli ta’ 50 sena li għandu fedina penali twila ntbagħat 25 xahar ħabs wara li ammetta li seraq minn siti ta’ kostruzzjoni fil-Marsa.
Carmelo Ciranna wieġeb ħati għall-akkużi ta’ serq aggravat, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ terzi, li kiser il-kundizzjonjiet tal-libertà proviżorja u li kien riċediv fost oħrajn.
Fil-Qorti nstema’ kif huwa allegatament kien ipprova jwettaq serqa oħra iżda ma rnexxilux u b’hekk affaċċja wkoll akkuża dwar attentat ta’ serq.
L-Ispettur Jeffrey Scicluna, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega li fit-3 ta’ Awwissu, il-pulizija rċeviet żewġ rapporti ta’ serq minn żewġ siti ta’ kostruzzjoni fil-Marsa.
Filmati tas-CCTV kienu juru żewġ persuni jidħlu fil-post, bl-ewwel raġel ikun identifikat bħala Ciranna u l-persuna l-oħra kien ukoll identifikat fejn ġie arrestat u tressaq b’mod separat.
Fil-Qorti, Ciranna ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tikkundannah piena ta’ 25 xahar priġunerija u multa ta’ €500 li tista’ tiġi kkonvertita f’ħabs jekk ma titħallasx fil-ħin. Il-ħelsien mill-arrest tiegħu ġie revokat u ġew ikkonfiskati €500 li kellu bħala garanzija personali. “Jekk mhux se tiħodha bis-serjetà, se tqatta’ l-bqija ta’ ħajtek il-ħabs,” wissieh il-Maġistrat Jean Paul Grech.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Ian Vella. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Rachel Tua dehret għal Ciranna.