Sunday, November 10, 2024

“256 espert fil-qasam tal-vizzji minn 47 pajjiż madwar id-dinja … riklam kbir għal Malta”

Alfred Grixti Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal (MSPC). Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali ta’ ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 1,000 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (78%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179, 1772 u 1778 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert.

L-FSWS, permezz tal-Aġenzija SEDQA, hija wkoll l-aġenzija nazzjonali li taħdem fil-qasam tal-prevenzjoni mill-vizzji, speċjalment xorb żejjed u drogi, u t-trattament tagħhom.

Dil-ġimgħa, iżda, l-attenzjoni kollha se tkun fuq il- Kungress tal-ISAM li l-FSWS se tkun qed torganizza fil-Campus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettal mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti dwar il-Kungress ISAM VALLETTA 2022 li qed jiġi organizzat mill-ISAM b’kollaborazzjoni mal-FSWS u l-Università ta’ Malta. Il-konferenza se ssir fil-bini tal-Università antika fil-Belt Valletta.

X’inhi l-ISAM?

L-ISAM hija International Society of Addictions Medicine, għaqda li bdiet madwar 20 sena ilu fl-Amerika ta’ Fuq bi professjonisti mediċi mill-Istati Uniti u mill-Kanada li bdew jingħaqdu biex jiskambjaw riċerka u prattiċi tajbin f’dak li għandu x’jaqsam it-trattament tal-vizzji tal-alkoħol żejjed u ta’ l-abbuż mis-sustanzi bħal dak tad-droga. Minn hemm umbagħad bdew jorganizzaw kungressi internazzjonali darba fis-sena fejn jiġbru l-aqwa tobba li jaħdmu f’dan il-qasam u jippreżentaw ir-riċerka u l-programmi li jkunu qed jagħmlu bbażati fuq ir-riċerka … u baqgħet tikber minn sena għal sena.

X’wassal biex din se tiġi organizzata f’Malta?

Bħal dejjem il-Maltin huma mifruxa madwar id-dinja u ssibhom kullimkien … u, b’kumbinazzjoni, hemm Malti li llum huwa l-president tal-ISAM. Dan huwa Prof. Dr Alex Baldacchino li huwa gradwat mill-Universita ta’ Malta bħala tabib u fil-passat kien ukoll jaħdem mal-Aġenzija Sedqa. Dak iż-żmien il-mibkija t-tabiba Maria Sciberras kienet bagħtitu barra minn Malta biex jispeċjalizza fil-psikjatrija għax it-trattement tad-dipendenzi huwa speċjalizzazzjoni bejn element ta’ psikjatrija u element ta’ mediċina ġenerali. Illum tista’ tgħid huwa professur doppjament għax apparti li jgħallem il-psikjatrija fl-Universita ta’ St Andrews fl-Iskozja, sa ftit xhur ilu kien il-Kap tad-Dipartiment ta’ Addictions Medicine tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS) ta’ Fife fl-ilvant tal-Iskozja li l-Università ta’ St Andrews tagħmel parti minnu. Aħna nsegwu l-mudell Brittaniku fejn int ikollok sptar li jkun teaching hospital u fejn il-professuri tad-diversi fergħat tal-mediċina ikunu qegħdin kemm jaqdu d-dmirijiet fl-isptar kif ukoll fl-università.

Kif sar il-kuntatt ma’ Prof. Alex Baldacchino?

Bħalha Fondazzjoni aħna naħdmu wkoll fuq l-intrapriżi soċjali, dawk li jissejħu l-koperattivi. Erba’ snin ilu konna żorna Mondragon fi Spanja li hija l-mekka tal-moviment koperattiv internazzjonalment. Magħna kellna lill-Prof. Godfrey Baldacchino, dak iż-żmien Pro-Rettur tal-Università. Peress li l-kliem bħaċ-ċirasa fi ftit tal-ħin skoprejt li ħuħ kien proprju l-Professur Alex Baldacchino. Wara Spanja kelli nżur proprju l-Iskozja fejn għamilt żjara f’ċentru terapewtiku sikur fejn skoprejt li dan il-Professur Alex Baldacchino kien ħadem proprju hemmhekk ukoll.

Fl-2018 il-Ministru Michael Falzon ried li jinġabru l-imsieħba kollha li jaħdmu fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kura tan-nies

Lura Malta l-Ministru Michael Falzon kien qalilna nagħmlu inizjattiva biex niġbru l-imsieħba kollha li jaħdmu fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kura tan-nies li għandhom problema ta dipendenzi tal-alkoħol u droga u ħareġ il-ħsieb li nġibu żewġ kelliema minn barra minn Malta. Jien, peress li kont skoprejtu ftit qabel, kont issuġġerejt li nġibu l-Professur Alex Baldacchino. Tkellimt ma’ ħuħ il-Prof. Godfrey u f’kemm ilni ngħidlek għamilna l-kuntatt u aċċetta l-istedina li jiġi Malta bħalha wieħed mill-kelliema f’konferenza li kienet saret f’ pajjiżna f’ Ġunju tas-sena 2018 fil-Kamra tar-Rappreżentanti u taħt il-patronċinju ta’ li Speaker Dr Anġlu FARRUGIA.

Il-Professur Alex Baldacchino xtaq li l-ISAM issir f’Malta

Waqt li kien Malta l-Professur Alex Baldacchino kienet l-ewwel darba li semma l-ISAM u meta staqsejtu dwar l-irwol tiegħu qalli li huwa kien President elect li tfisser li kien se jkun il-president li jmiss erba’ snin wara. Apparti li dan kien se jkun unur għalih personali ovvjament unur ukoll għal pajjiżna peress li l-ISAM tinsab mifruxa madwar id-dinja kollha u tilqa’ fi ħdanha eluf ta’ membri. Aħna attendejna l-konferenzi li l-ISAM organizzat kemm fil-Korea t’Isfel kif ukoll fl-Indja fejn kien hemm mijiet ta’ tobba u speċjalisti li jispeċjalizzaw fid-dipendenzi. Wara stedina biex l-FSWS issir membru fl-ISAM, Baldacchino stqarr li peress li fis-sena 2021 hu kien se jkun il-president effettiv ta’ din l-għaqda dinjija kellu x-xewqa li l-konferenza ssir f’pajjiżna stess.

Pajjiżna rebaħ l-unur biex jospita l-konferenza tal-ISAM

Ġejna mitluba biex inħejju preżentazzjoni biex nikkompetu ma’ pajjiżi oħra kif ukoll nuru l-faċilitajiet li għandna f’pajjiżna kemm f’termini tal-post fejn se ssir il-konferenza kif ukoll f’termini ta’ akkomodazzjoni għal dawk li se jkunu qed jattendu għal din il-konferenza. Wara dan kollu fl-aħħar pajjiżna rebaħ l-unur biex jospita l-konferenza tal-ISAM li suppost kellha ssir is-sena l-oħra pero minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ġiet posposta għal din is-sena.

It-tema magħżula tal-konferenza f’Malta hija ‘Addictions in a Pandemic Reality, Building Resilience’. Għażilna din it-tema għall-fatt li fil-pandemija kull servizz li noffru ta’ dipendenzi bħaċ-Ċentru Detox u Dar l-Impenn baqgħu għaddejjin b’mod normali. Ir-rijabilitazzjoni u l-prevenzjoni baqgħu isiru anke jekk adattajna billi għamilna sessjonijiet onlajn pero xorta irnexxilna nibqgħu noffru s-servizzi.   

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li għal dan il-kungress se jkollna fostna 258 espert barrani minn 47 pajjiż differenti. Hemm mill-Awstralja sal-Arġentina, minn Singapore sal-Isvezja. Hemm rappreżentanza qawwija mill-Istati Uniti u l-Canada u bosta pajjiżi Ewropej u kif ukoll mill-Golf Għarbi u mill-Marokk sal-Eġittu u pajjiżi oħra mill-Mediterran. Se jkun hemm 8 keynote speakers li huma meqjusa bħala awtoritajiet mondjali f’ dan il-qasam u bi pjaċir ngħid li waħda minn dawn se tkun Dame Clare GERADA DBEFRCPFRCGPFRCPsych li għandha ċittadinanza Brittanika w Maltija u hija l-President tar-Royal College of General Practitioners

X’inhu l-irwol tal-FSWS f’dan il-kungress?

L-ewwelnett aħna sirna membri tal-ISAM grazzi għall-Aġenzija Sedqa li hija unika fis-servizzi li toffri kemm il-fergħa medika bħaċ-Ċentru Detox, Dar l-Impenn u l-Komunità Santa Marija kif ukoll in-naħa soċjali fejn isir il-counselling, terapija kif ukoll il-ħidma soċjali mal-pazjenti. Aħna maħniex servizz mediku speċjalizzat fuq id-dipendenzi biss … Aħna servizz ħolistiku fejn is-servizz mediku u dak kollu li mhuwiex mediku, imma li mingħajru ma tistax tingħata kura sħiħa, jaħdmu flimkien b’ mod ħolistiku, . Għahekk ġejna aċċettati mill-ewwel biex insiru membri fl-ISAM.

Din il-konferenza qed tiġi organizzata bi sħubija mal-Università ta’ Malta

Il-konferenza fiha element qawwi akkademiku fejn kull preżentazzjoni tiġi ġudikata minn akkademiċi li jevalwawa u jgħidulek fejn hemm bżonn li jiġi rivedut. Hemm dak li jissejjaħ is-Scientific Committee li xogħlu huwa li jagħmel il-quality assurance biex jaċċerta li l-preżentazzjonijiet huma kollha ta’ livell għoli. Din il-konferenza qed norganizzawha bi sħubija mal-Università ta’ Malta, propju għal din ir-raġuni. Ir-Rettur il-Professur Alfred Vella issapportjana mill-bidu nett, saħansitra ħafna mil-loġistika qed tieħu ħsiebha l-Università permezz tal-Events and Conference Unit tagħhom u bħalha FSWS qed nieħdu ħsieb il-marketing u ovvjament qed nużawha bħalha riklam għal Malta bl-appoġġ ukoll tal-Malta Tourism Authority (MTA).

Qed noħduha bħalha esperjenza unika li se nqegħdu fil-vetrina dak li nagħmlu

Aħna qsamna x-xogħol u jien ġejt appuntat iċ-Ċermen tal-Local Organization Committee u Dr Anna Maria Vella hija il-co chair tas-Scientific Committee flimkien ma waħda mit-terapisti tagħna Monique Debrincat u l-Professur Richard Muscat li huwa wkoll iċ-Ċerpersin tal-Bord Nazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga li jaqa’ wkoll taħt il-ministeru tagħna. Aħna għandna sehem mill-organizzazjoni, sehem mis-scientific committee u kburin li se nieħdu sehem fiha għaliex għandna professjonisti kemm minn Sedqa, kemm minn Child Protection u anke minn Alternative Care li se jkunu qed jippreżentaw papers għax aħna mmissu kemm ma’ nies li jkunu qed jabbużaw mid-droga u kemm umbagħad l-effetti negattivi li jkollhom fuq il-familja tagħhom. Qed noħduha bħalha esperjenza unika li se nqegħdu fil-vetrina dak li nagħmlu kemm primarjament bħalha Sedqa imma anke s-servizzi l-oħra tal-Fondazzjoni. Se nisponsorjaw ukoll bosta professjonisti tagħna, 135 fil-fatt. Għal dawn il-135 professjonist tagħna din se tkun opportunità unika ta’ taħriġ u tagħlim tal-ogħla livell u li, bħala konferenza iffukata b’ tant esperti minn madwar id-dinja fil-qasam tal-addicitons, hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li saret Malta.

Minn Charlo Lautier – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS

Sport