Thursday, November 20, 2025

‘Frekwentaw il-gym, aħdmu għal dak li tħobbu u r-riżultati jiġu waħedhom’ – Alfio Romanut

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-kickboxing f’Malta kompla jieħu spinta ’l quddiem permezz tas-seminar intensiv li sar fil-gym ta’ Team Noel fil-Fgura, fejn Master Alfio Romanut kien mistieden ewlieni ta’ Master Noel Mercieca. Dan l-avveniment, li kien maqsum f’sezzjonijiet differenti, ġibed lejh numru sabiħ ta’ studenti minn etajiet u livelli differenti. Kien seminar li mhux biss ipprovda taħriġ tekniku, iżda wkoll esperjenza ta’ ispirazzjoni u dixxiplina.

Matul is-sessjonijiet, Master Romanut qasam ma’ dawk li attendew għarfien prattiku u teoretiku li kiseb tul karriera twila u mimlija suċċessi. L-enfasi ewlenija kienet fuq il-moviment ta’ saqajn (footwork) u kif wieħed jibni strateġija effettiva waqt il-ġlied. Il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jsiru jafu teknika li tintuża’ fid-dinja professjonali, filwaqt li tgħallmu wkoll kif jikkoreġu żbalji komuni li spiss jagħmlu dawk li għadhom jibdew.

Master Noel innifsu ilu għal bosta snin kien qed jitħarreġ taħt Master Romanut, fejn permezz tiegħu kiseb diploma internazzjonali u liċenzja ta’ tagħlim professjonali maħruġa mill-CONI fl-Italja. Ir-relazzjoni tagħhom ma kinitx biss ta’ kowċ/student, iżda saret waħda ta’ fiduċja u kollaborazzjoni kontinwa. Romanut dejjem faħħar id-dixxiplina u serjetà tat-tim ta’ Noel, filwaqt li Noel stess dejjem insista li ħafna mis-suċċessi tiegħu huma frott it-tagħlim mill-esperjenza vasta ta’ Alfio.

Wara t-tmiem tas-seminar, Master Romanut faħħar il-parteċipanti u qal li ra livell għoli ta’ dixxiplina fost l-atleti. Żied jgħid li jemmnu bis-sħiħ li diversi atleti Maltin se jilħqu l-livell professjonali, hekk kif diġà għamlu diversi membri ta’ Team Noel matul is-snin.

Wieħed mill-aktar mistiedna speċjali li attendew matul il-ġimgħa kien Alvaro, leġġenda tal-kickboxing magħruf mad-dinja kollha. L-istorja tiegħu hija waħda twila, affaxxinanti u mimlija passjoni. Staqsejnih kif bdiet il-kariera tiegħu u qalilna:

“L-imħabba tiegħi għall-kickboxing bdiet fl-1985. Qabel kont diġà nipprattika l-karate, iżda meta vvjaġġajt lejn l-Olanda u rajt l-ewwel darba kickboxing, kont naf li skoprejt is-seħer tiegħi. Dak il-mument għamilli differenza kbira.”

Skontu, is-sigriet tas-suċċess huwa wieħed sempliċi iżda għal ħafna diffiċli biex jinżamm: il- perseveranza.

“Fil-ħajja trid tħobb dak li tagħmel. Jekk tagħmel xi ħaġa li tħobb, qatt ma tħoss li qed taħdem.”

Din kienet diġà it-tielet darba li żar Malta, u deher ċar kemm għandu stima u affezzjoni għall-pajjiż u n-nies tiegħu.

“Malta togħġobni ħafna. Hija gżira sabiħa, b’temp mill-aqwa, u nies li mdorrijin li jagħtuk merħba. Anke f’Novembru tista’ tmur tgħum għax dawn l-aħħar jiem inzerta kien hemm temp sabiħ. U fuq kollox, ir-relazzjoni tiegħi ma’ Noel hija waħda speċjali għax hu bniedem li jorganizza ferm tajjeb, għandu passjoni u għandu futur sabiħ bħala kowċ.”

Alvaro jifhem sew li l-kickboxing f’Malta qiegħed jikber b’ritmu qawwi, u jemmen li ħafna żgħażagħ Maltin għandhom il-potenzjal li jaslu f’livelli mondjali.

Minbarra t-taħriġ tekniku, Alvaro tkellem ukoll dwar il-mentalità li għandu jkollu atleta li jrid jagħmel karriera fil-kickboxing.

“Illum id-dinja mimlija kompjuters, mobile phones u internet. Jekk trid tirnexxi fil-kickboxing, għandek tħalli kollox warajk, tpoġġi l-mobile fil-but u tmur il-gym. Il-preżenza tiegħek fil-gym tagħtik ir-riżultati.”

Wieħed mill-aktar punti interessanti tal-intervista kien meta tkellem dwar l-atleta famuż Giorgio Petrosian, li llum huwa wieħed mill-aqwa ġellieda tal-kickboxing fid-dinja.

Alvaro qal b’umiltà iżda b’ċerta emozzjoni:

“Jien derrejt lil Giorgio f’dan l-isport sa mit-tfulija. Meta beda kellu biss 15-il sena. Kien talent naturali, iżda dak li għamel differenza kien id-dedikazzjoni tiegħu. Ħadem ħafna u għamel ħafna sagrifiċċji biex jasal fejn wasal.”

Din l-esperjenza mhix biss xhieda tat-talenti ta’ Petrosian, iżda wkoll tal-livell ta’ kowċing li għandu Alfio.

Il-ġimgħa kollha kienet okkażjoni li ħalliet impatt profond fuq dawk li attendew, tant li diversi atleti esprimew ix-xewqa li jerġgħu jipparteċipaw f’avvenimenti simili fil-futur. L-organizzazzjoni kienet imfaħħra ħafna, b’atmosfera professjonali iżda fl-istess ħin ta’ familjarità, tipika tat-team ta’ Master Noel.

Ħafna mill-parteċipanti qalu li dan is-seminar fetħilhom għajnejhom dwar kif taħriġ strutturat u tekniku jista’ jagħmel differenza reali fil-progress tagħhom. Barra minn hekk, ir-rakkonti u l-esperjenzi ta’ Alvaro u Romanut għamluhom aktar motivati biex jaħdmu b’dixxiplina u b’mira ċara lejn il-futur.

Is-seminar ta’ Master Alfio Romanut u l-parteċipazzjoni ta’ personalitajiet bħal-leġġenda Alvaro juru ċar li Malta qed issir punt importanti fil-mappa tal-kickboxing Ewropew. Bit-taħriġ professjonali, ix-xogħol bla waqfien ta’ Master Noel u l-impenn tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ġellieda, il-futur jidher promettenti ħafna.

Kif qal Alfio: “Frekwentaw il-gym, aħdmu għal dak li tħobbu u r-riżultati jiġu waħedhom!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport