S’issa t-total tal-mejta tela’ għal 268 persuna wara terremot qawwi li laqat il-gżira ta’ Java fl-Indoneżja. Skont dak li qiegħed jiġi rraportat fil-midja internazzjonali fost il-vittmi hemm ħafna tfal.
Ħafna mill-vittmi kienu tfal minħabba li fil-ħin li seħħ it-terremot (għall-ħabta tas-1pm – ħin lokali) it-tfal kienu għadhom fil-klassijiet tagħhom, fejn ħafna mill-istess klassijiet iġġarfu.
Ġuvni ta’ 14-il sena li fil-ħin tat-terremot kien fil-klassi wara li ġie salvat qal li “kont waqt lezzjoni u l-klassi waqgħet fuqna. Spiċċat b’saqajja taħt it-terrapien.”
Skont il-ġuvni, kien il-ħabib tiegħu Zulfikar li għenu joħroġ minn taħt il-ġebel, iżda minħabba l-ġrieħi li sofra sieħbu spiċċa tilef ħajtu ftit tal-ħin wara li twassal l-isptar.
Uffiċjali tal-pajjiżi qegħdin jgħidu li n-numru tal-vittmi mistenni li jibqa’ tiela’ aktar ma tkompli t-tfixxija għal persuni li s’issa għadhom irraportati neqsun. L-istess uffiċjali qalu li s’issa ddaħlu aktar minn 1,000 persuna l-isptar kollha bi ġrieħi gravi.
Skont stqarrija li ħareġ il-Gvern ġie stabilit li aktar minn 22,000 dar iġġarfu jew inkella ma humiex siguri biex ir-residenti jibqgħu jgħixu fihom.
Aktar minn 58,000 persuna oħrajn ħarbu miż-żona u marru lejn reġjuni oħrajn.
It-terremot tkejjel 5.6 u ħalla ħerba sħiħa fl-Indoneżja.