Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li ftit tal-jiem ilu ħarġet is-sejħa għall-offerti għall-Proġett ta’ Ulysses Grove sabiex dan il-post jiġi ttrasformat f’park modern u sostenibbli biex jitgawda mill-familji u mill-komunità kollha.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li permezz ta’ fondi mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kif ukoll min-National Development and Social Fund (NDSF) dan il-proġett mifrux fuq 27 tomna se joħloq spazju sigur u aċċessibbli għal kulħadd f’żona urbana. Huwa kompla jgħid li din l-inizjattiva hija xhieda tal-impenn tal-gvern biex jiffoka fuq l-ambjent u r-rikreazzjoni f’Għawdex, u joħloq spazji li joffru kwalità tal-ħajja aħjar għar-residenti u għall-viżitaturi.

Il-ministru qal ukoll li dan il-proġett huwa parti minn viżjoni aktar wiesgħa biex jinħolqu spazji li jinkoraġġixxu u joffru kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Huwa temm billi rringrazzja lid-Direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru, lill-NDSF u lill-kollaboraturi kollha li qed jaħdmu biex dan il-proġett isir realtà.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF Raymond Andrew Ellul qal li l-fondi li se jingħataw mill-NDSF għal dan il-proġett jilħqu diversi miri soċjali fosthom ambjent aħjar, spazju għar-rikreazzjoni għall-familji u huwa proġett dejjiemi li se jitgawda mhux biss minn din il-ġenerazzjoni imma minn dawk futuri.