Friday, December 13, 2024

28 MPE addizzjonali se jiġu eletti minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha

Aqra wkoll

B’19-il vot kontra 9 u mingħajr ebda astensjoni, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Kostituzzjonali fil-jiem li għaddew appoġġa inizjattiva leġiżlattiva biex ikunu eletti wkoll kandidati fuq il-lista Ewropea.

Dawn il-kandidati se jkunu eletti apparti l-membri li jiġu eletti f’elezzjoni nazzjonali f’kull stat tal-UE. B’hekk, l-għadd ta’ membri parlamentari Ewropej se jiżdied bi 28 membru ieħor.

B’din il-proposta, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew qed jipproponi riforma tal-Att Elettorali Ewropew li tiddefinixxi standards elettorali minimi komuni u kostitwenza għall-Unjoni kollha.

Fil-proposta tagħhom, il-Membri tal-Parlament Ewropew, immexxija mir-rapporteur Spanjol Domènec Ruiz Devesa mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, jissuġġerixxu li kull votant għandu jkollu żewġ voti, wieħed biex jeleġġi MPEs f’kostitwenzi nazzjonali u ieħor f’kostitwenza tal-Unjoni Ewropea kollha. 

It-28 MPE addizzjonali għandhom jiġu mill-kostitwenza tal-Unjoni kollha. Listi ta’ kandidati għall-UE kollha se jkunu jistgħu jiġu sottomessi minn entitajiet elettorali Ewropej, bħal koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ votanti jew partiti politiċi Ewropej. 

Qed ikun propost li dawn il-listi se jkollhom jirrispettaw ir-rappreżentanza ġeografika sabiex stati membri iżgħar ma jitqiegħdux fi żvantaġġ kompetittiv. Awtorità Elettorali Ewropea ġdida tkun inkarigata mir-reġistrazzjoni tal-listi skont il-MPE.

Sabiex jippromwovu dibattitu pubbliku Ewropew, il-MPE qed jipproponu sett ta’ standards minimi li għandhom jiġu osservati waqt l-elezzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. 

Kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li għandu aktar minn 18-il sena għandu jkollu d-dritt li joħroġ bħala kandidat u għandu jiġi introdott limitu elettorali obbligatorju ta’ mill-inqas 3.5% għal kostitwenzi kbar (dawk b’mill-inqas 60 siġġu). 

It-test jistabbilixxi wkoll id-9 ta’ Mejju bħala l-jum tal-votazzjoni Ewropea komuni fl-istati membri kollha.

L-Istati Membri se jkollhom l-obbligu li jiżguraw li l-entitajiet elettorali Ewropej jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali bħall-partiti politiċi nazzjonali u li l-poloz tal-vot użati fl-elezzjonijiet jagħtu viżibbiltà ugwali lill-ismijiet, l-akronimi, is-simboli u l-logos ta’ dawn l-entitajiet.

Iċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni b’diżabilità, għandu jkollhom aċċess ugwali għall-elezzjonijiet. Għandu jkun hemm ukoll l-għażla tal-vot bil-posta, sabiex pereżempju ċ-ċittadini li jgħixu f’pajjiżi mhux tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom. L-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun obbligatorja fuq il-listi tal-kandidati.

Ekonomija

Sport