F’ċerimonja uffiċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju lil 28 professjonist li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali.
Minn dawn it-28 professjonist, 3 minnhom ingħataw Warrant waqt li l-bqija, jiġifieri 25, ingħataw Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju.
B’hekk it-total ta’ Warrants maħruġa mit-twaqqif tal-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi sal-lum tela’ għal 62.
Fir-rigward taċ-Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju, dan inħareġ għat-tielet darba mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, li jfisser li sal-lum ingħataw dan iċ-ċertifikat total ta’ 45 professjonist, u għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.
Il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dawn il-Warrants kif ukoll taċ-Ċertifikat tal-Ħila ta’ Patrimonju mogħti mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti.
Waqt li indirizza lill-konservaturi u lir-restawraturi fil-preżenza tal-Bord, il-Ministru Bonnici saħaq li peress illi x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal, galbu, u etika, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li biex wieħed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol jeħtieġ li jkollu Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.
Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien, partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-kumplament tal-Bord li kien strumentali biex illum qed nirrikonoxxu dawn il-professjonisti billi jingħataw Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju.