Il-każ dwar l-attentat ta’ qtil ta’ raġel waqt serqa minn ħanut tal-ġojjellerija fiż-Żurrieq kellu żvolta oħra wara li waħda mit-tliet akkużati ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha u kienet ikkundannata 28 sena priġunerija.
Donna Sciberras ta’ 30 sena kienet tressqet fil-Qorti flimkien ma’ żewġt irġiel oħra u ġew mixlija li nhar il-25 ta’ Awwissu 2023, ipprovaw joqtlu lil Joseph Carabott, li kkaġunawlu ġrieħi ta’ natura gravi u li żammewh kontra l-volontà tiegħu.
Huma kienu mixlija wkoll li wettqu serq ta’ ġojjellerija, flus u oġġetti oħra, li għamlu ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, li ġarrew sikkina mingħajr ma kellhom liċenzja u li m’obdewx l-ordnijiet tal-pulizija.
Donna waħedha kienet akkużata wkoll li naqset milli tosserva l-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti tal-Maġistrati u li bihom kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest u li kienet riċediva.
Matul il-kors tal-proċeduri nstema’ kif il-vittma tas-serqa baqa’ ma kienx f’pożizzjoni li jikkomunika wara li safa aggredit minn tliet persuni f’ħanut tad-deheb li jinsab fi Triq Dun Ġużepp Żammit, iż-Żurrieq.
Fil-11 ta’ Novembru li għadda, Sciberras wieġbet ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, u dan wara li l-Qorti tal-Maġistrati spjegatilha n-natura tal-akkużi, il-piena li jġorru u l-konsegwenza tal-ammissjoni tagħha u wara li ngħatat żmien biżżejjed sabiex taħsibha.
Xahar wara hija kkonfermat ukoll li kienet konxja tal-konsegwenzi tal-ammissjoni ta’ ħtija tagħha quddiem il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri. Hija ddikjarat li taqbel ma’ dak li kien hemm imniżżel fir-rikors konġunt tagħha u tal-Avukat Ġenerali, fejn qalet li taqbel mal-piena msemmija.
Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti qieset diversi fatturi fosthom il-pedina penali tal-akkużata li hi waħda refrattarja, l-ammissjoni tagħha u n-natura serja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha.
Ġie nnutat ukoll kif filwaqt li l-ammissjoni ta’ Sciberras ma saritx fil-bidu nett tal-proċeduri kontra tagħha, ma setax jiġi injorat il-fatt li hi ammettiet meta l-rpoċeduri kienu għadhom qed jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u meta kienet għadha ma nħarġitx l-Att tal-Akkuża kontra tagħha.
Wara li kkunsidrat kollox, il-Qorti sabet lil Donna Sciberras ħatja tal-akkużi kollha miġjuba kontriha u kkundannatha għal 28 sena priġunerija kif ukoll għall-ħlas ta’ multa ta’ €116.47ċ.
Il-Qorti ddikjarat ukoll li l-akkużata kisret il-kundizzjonijiet relatati mal-ħelsien mill-arrest tagħha u ordnat il-konfiska tad-depożitu ta’ €500 u li tħallas il-garanzija personali ta’ €10,000. B’żieda ma’ dan, il-Qorti rrevokat il-ħelsien mill-arrest li kienet ingħatat f’Lulju tal-2023, u tordna l-arrest mill-ġdid tagħha.
Waqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal perjodu ta’ ħames snin, il-Qorti ordnat lill-ħatja sabiex tħallas terz tal-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti f’dawn il-proċeduri (€12,979). Fl-aħħar nett, il-Qorti ordnat lill-akkużata sabiex tagħti €8,000 f’kumpens lill-vittma.
Il-proċeduri fil-konfront taż-żewġ persuni l-oħra – Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena u Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena – għadhom għaddejjin.