Friday, April 19, 2024

291 tifel u tifla protetti b’care order

Aqra wkoll

Sal-aħħar ta’ Ottubru li għadda, in-numru ta’ tfal protetti b’care order kien jammonta għal 291. Minn dawn 142 jinsabu f’foster care, 89 fi djar residenzjali, 35 fi djar fil-komunità, tlett itfal qed jattendu programm residenzjali u 22 oħra qegħdin fil-proċess li jkunu ri-integrati mal-familja bijoloġika tagħhom.

Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon li spjega wkoll kif hemm aktar tfal li jirrisjedu ma’ foster families jew fi djar residenzjali jew tal-komunità, iżda dawn it-tfal qegħdin residenti f’dawn id-djar b’arranġament differenti u mhux taħt care order.

Il-Ministru Falzon spjega li min-numru totali ta’ tfal li jinsabu f’foster care, hemm 131 li qed jiġu mrobbija minn foster cares ġewwa Malta u 9 ġewwa Għawdex filwaqt li 2 jgħixu ma’ ġenituri prospettivi għall-addozzjoni.

Min-naħa l-oħra, it-tfal li jirrisjedu fi djar residenzjali huma mqassma kif ġej: 87 tifel u tifla jgħixu fi djar residenzjali f’Malta u żewġ minuri fid-djar residenzjali ġewwa Għawdex.

Ġie spjegat ukoll li d-djar fil-komunità li qed jospitaw 35 tifel u tifla huma residenzi tat-tfal fil-komunità, li jilqgħu fihom numru żgħir ta’ tfal f’kull residenza. “Qegħdin nagħmlu kull sforz possibbli sabiex nevitaw li jkollna minuri f’istituzzjonijiet,” qal il-Ministru Falzon. 

Huwa qal ukoll li l-programm residenzjali li qed jattendu għalih tlett itfal, huwa programm speċjalizzat li jiffoka fuq titjib fl-imġiba tal-istess minuri.

Il-Ministru Falzon tkellem ukoll dwar it-22 minuri li qegħdin fil-proċess ta’ ri-integrazzjoni lura ma’ ġenitur jew ġenituri tagħhom jew ma’ xi membri oħra tal-familja bijoloġika tagħhom taħt monitoraġġ. Hawn, huwa qal li qed tiġi evalwata l-possibilità li tiġi rakkomandata revokazzjoni tal-Ordni ta’ Ħarsien (care order), dejjem jekk dan jirriżulta li jkun fl-aħjar interess tal-minuri.

Sadanittant, il-Ministru Michael Falzon qal li l-entitajiet kollha li għandhom kuntratt ta’ sħubija soċjali mal-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli u li jieħdu ħsieb dawn it-tfal f’kura alternattiva, huma mgħammra biex jospitaw lit-tfal f’units żgħar fejn il-massimu huwa ta’ sitt itfal f’kull unit u fejn in-norma hija bejn erbgħa u ħamest itfal. L-entitajiet li jmexxu dawn id-djar tat-tfal jagħmlu minn kollox biex dawn it-tfal jgħixu f’ambjent kemm jista’ jkun qrib dak ta’ familja u li jkun child-friendly.

Sitt itfal protetti b’care order qed jistennew li jiġu fostered

Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari oħra li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-Ministru Falzon qal li n-numru ta’ tfal li huma protetti b’care order u li għadhom qed jistennew li jiġu fostered huwa ta’ sitta.

Huwa qal li dan huwa l-inqas numru ta’ tfal jistennew biex jiġu fostered fl-aħħar snin u dan huwa riżultat ta’ diversi miżuri li ttieħdu fis-snin riċenti, fosthom iż-żieda fiċ-child in care benefit minn €70 għal €100 fl-2018, iż-żieda fiċ-ċhild in care benefit minn €100 għal €110 fl-2021 u l-kampanji ta’ għarfien li għamlet l-Aġenzija Appoġġ favur il-fostering.

Dan huwa dovut ukoll għall-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Minuri u l-Kura Alternattiva u riżultat tal-prattika l-ġdida mħaddma mid-Direttorat għall-Kura Alternattiva, fejn l-ewwel preferenza għall-placement qiegħda konsistentament tkun li tfal ikunu fi placement f’ambjent ta’ familja u mhux fi djar tat-tfal. 

Bħalissa hemm erba’ familji li huma diġà approvati bħala foster carers qegħdin fit-tranżizzjoni biex jibdew joffru placement bħala foster families, filwaqt li tliet familji qegħdin jistennew li jiġu ‘matched’ ma’ minuri. 

Id-Direttorat Kura Alternattiva jiġbed l-attenzjoni li kull minuri jiġi matched ma’ foster carer skont il-bżonnijiet tal-minuri u, għaldaqstant, mhux neċessarjament li foster carer li qed jistenna match, jiġi b’mod awtomatiku matched ma’ minuri li qed jistenna li ikun ma foster family.  

Id-Direttorat qiegħed ukoll isegwi 13-il familja li huma approvati bħala Foster Carers, pero’ li minħabba ċirkostanzi personali mhumiex f’pożizzjoni li jiffosterjaw fil-mument preżenti.

Hemm ukoll 4 familji li huma approvati bħala Foster Carers li jistgħu joffru respite placements biss.

Sport