Saturday, December 21, 2024

3 kunsilli lokali jibbenefikaw minn €355,000 sabiex jinħolqu spazji miftuħa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li l-Kunsilli Lokali tal-Ħamrun, ta’ Tas-Sliema u tal-Mellieħa qed jibbenefikaw minn fondi ta’ €355,000 permezz tal-iskema ta’ finanzjament li nħarġet mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, għall-kreazzjoni ta’ spazji miftuħa fiċ-ċentru tal-ibliet u tal-irħula.

Il-Ministru Herrera sostna li huwa verament importanti li fil-lokalitajiet tagħna jinħolqu aktar spazji miftuħa li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Din hija parti mill-viżjoni tal-ministeru li l-kunsilli lokali jkomplu jesploraw il-possibbiltà li joħolqu spazji miftuħa f’żoni pedonali fil-lokalitajiet tagħhom.

Huwa sostna li permezz ta’ dawn l-iskemi qed ikomplu jinvestu fil-kwalità tal-arja, tas-saħħa u tal-benesseri tar-residenti fil-komunitajiet tagħna. Dawn l-ispazji miftuħa ser ikomplu jinkoraġġixxu lir-residenti joħorġu minn djarhom, ikunu attivi filwaqt li jissoċjalizzaw aktar f’ambjent urban, sigur u aċċessibbli.   

“Din l-iskema qed tikkumplimenta skemi oħra li diġà ħriġna fosthom tal-playing fields u tal-islow streets, bl-għan li jkun hemm aktar opportunitajiet fejn residenti minn lokalijiet differenti jkollhom aktar spazji fejn jirrikrejaw ruħhom, jissoċjalizzaw u jieħdu ħsieb il-benesseri tagħhom,” tenna l-Ministru Herrera.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dawn il-proġetti ser jikkonsistu f’tisbiħ ta’ żona fil-Ħamrun fejn ser jitħawlu pjanti u siġar filwaqt li se jiġu installati bankijiet, fanali u kameras tas-sigurtà. Fil-Mellieħa ser isir ristrutturar ta’ taraġ pubbliku fejn ser jiġu installati bankijiet u dwal u jitħawlu pjanti, filwaqt li f’Tas-Sliema ser tinħoloq żona pedonali għal ċerti ħinijiet.

Ekonomija

Sport