Tfajla ta’ 21 sena, oħra ta’ 15 u tifel ta’ 10 snin ġew iċċertifikati li sofra ġrieħi gravi wara li lbieraħ għall-ħabta tas-6.30pm kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Industrija, Ħal Kirkop.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li mara ta’ 31 sena, residenti Santa Venera, tilfet il-kontroll ta’ Mercedes Benz GLC li kienet qed issuq b’konsegwenza li l-vettura ħabtet ma’ lqugħ li jifforma parti mill-perimitru tal-ajruport.
Passiġġiera fl-istess vettura kien hemm tfajla ta’ 21 sena, tfajla ta’ 15-il sena, tifla ta’ 7 snin u żewġ subien ta’ 12 u 10 snin.
Huma ingħataw l-għajnuna minn tim mediku u ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Aktar tard it-tfajliet ta’ 21 sena u 15-il sena flimkien mat-tifel ta’ 10 snin kienu iċċertifikati bi ġrieħi gravi filwaqt li l-persuni l-oħra kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.