3 persuni tressqu l-Qorti u baqgħu jinżammu arrestati wara li ġew mixlija mill-Ispettur Keith Xerri li wettqu serqiet minn Għawdex.
Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, tressqu Terence Zammit ta’ 51 sena residenti Għajnsielem, Ionut Dorin Soimosan, Rumen ta’ 39 sena residenti l-Mellieħa u Marian Lucian Apostol ta’ 38 sena Rumen u residenti l-Mellieħa wkoll.
L-imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi.
Huma ġew mixlija li nhar il-21 ta’ Settembru li għadda wettqu serqa minn Dirjanu Supermerket f’Għajnsielem. Ġew mixlija wkoll li fil-lejl ta’ bejn is-26 u 27 ta’ Settembru wettqu serqa minn isem ‘Spiteri Catering’, f’Għajnsielem.
Ionut Dorin Soimosan u Marian Lucian Apostol weħidhom ġew mixlija b’attentat ta’ serqa minn ħanut tal-mobiles li jinsab fir-Rabat Għawdex.
Imbagħad Terence Zammit u Ionut Dorin Soimosan ġew mixlija li huma riċedivi.
L-Ispettur Xerri qal fil-Qorti li kienu daħlu 3 rapporti tnejn ta’ żewġ serqiet u rapport ta’ attentat ta’ serqa. Qal li mis-supermarket insterqu 3 iflixken xampanja filwaqt li mingħand Spiteri Catering insterqu sett skieken li jiswew ħafna flus.
Il-Prosekuzzjoni qalet li hekk kif daħlu r-rapport mill-ewwel bdiet l-investigazzjoni u mill-kameras tas-sigurtà ta’ Spiteri Catering huma ma setgħux jintgħarfu minħabba li kienu mgħamdin. Iżda mill-kameras tas-sigrutà tas-supermarket l-imputati intgħarfu.
L-Ispettur qal quddiem il-Maġistrat Grech li bdew jimxu u jaraw diversi kameras tas-sigurtà fejn ġiet stabbilità l-karozza li ntużat. Bl-istess kameras tas-sigurtà li hemm f’diversi ħwienet u toroq l-imputati dehru deħlin f’appartament.
Qal li hekk kif ġew iddentifikati nħareġ mandatt ta’ arrest u l-imputati ġew arrestati.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjonijiet dwar dawn il-każi għadhom għaddejjin hekk kif mal-imputati kien hemm persuna oħra li s’issa għadha ma ġiex identifikata.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Grech ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputati jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone f’isem l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri. L-avukati Dr Joseph Grech, Dr Maria Bartolo Dimech u Dr Jontahan Mintoff dehru għall-akkużati.