Żewġ irġiel u tfajla tressqu l-qorti separatament fejn ġew mixlija b’akkużi relatati ma’ droga. It-tlett żgħażagħ isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti filwaqt li l-eta tagħhom tvarja bejn 20 u l-25 sena.
Kien nhar il-Ġimgħa li għadda li huma ġew arrestati waqt rejds li wettqu l-Pulizija f’Ħaż-Żabbar.
L-ewwel żagħżugħ li għandu 20 sena wieġeb mhux ħati wara li ġie akkużat li traffika u kellu fil-pussess tiegħu raża tal-kannabis u l-pjanta tal-kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu filwaqt li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina.
L-Ispettur Marshall Mallia li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li huma kellhom mandat ta’ tfittxija fir-residenza taż-żagħżugħ wara suspetti kbar li kien qed jittraffika d-droga. Hemm il-pulizija sabu 13-il pjanta tal-kannabis, miżien diġitali u kien hemm 440 gramma ta’ kannabis grass, 8 grammi ta’ reżina tal-kannabis u 8 grammi ta’ droga kokaina.
L-avukati Difensuri Franco Debono u Francesca Zarb talbu għall-ħelsien mill-arrest fejn stqarr li l-fedina penali tal-akkużat hija nadifa tazza u qal li f’din l-investigazzjoni, l-imputat ikkopera.
Il-Maġistrat Charmaine Galea, laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €30,000. Il-Qorti ordnat li jiġu ffriżat l-assi kollha.
Intant, tressqu wkoll żewġ aħwa, il-ġuvni ta’ 25 sena u oħtu ta’ 20 sena. Il-ġuvni ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu pjanta tal-kannabis u li kiser kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża u għaldaqstant sar riċdediv. Dal dawn l-akkużi hu wieġeb mhux ħati.
L-avukat difensur Jacob Magri għamel talba lil qorti biex jinħatar espert mediku biex jiġi stabbilit jekk waqt li kien qed jagħti stqarrija lill-pulizija kienx taħt l-effett ta’ xi sustanzi. Il-prosekuzzjoni qalet li waqt l-interogazzjoni hu deher li kien f’sensieh. Il-Qorti rreferiet din it-talba lill-Maġistrat inkwerenti fid-dawl tal-fatt li dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali.
Dwar oħtu, hi ġiet akkużata li kellha fil-pussess tagħha l-mediċina psikotropika u ristretta tal-MDMA.
L-ispettur qal li fil-gwardarobba fil-kamra tagħha nstabu miett gramma ta’ MDMA li kienu f’10 kapsoli.
Fir-rigward tal-aħwa, il-Qorti tathom il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet. Fil-każ taż-żagħżugħ iridu jiġu depożitati €3,000 u għandu garanzija personali ta’ €20,000 u oħtu se jkollha tiddepożita €3,000 u għandha garanzija personali €20,000.