Friday, August 1, 2025

30 persuna oħra nqatlu minn Iżrael waqt li kienu qed jistennew l-għajnuna

Aqra wkoll

Jidher li Iżrael ma jridx jieqaf milli jkompli għaddej bil-massakru ta’ persuni ċivili innoċenti. Konferma ta’ dan hu l-aħħar attakk Iżraeljan din il-ġimgħa li qatel mill-inqas 30 Palestinjan u darab mijiet oħra waqt li dawn kienu qed jistennew għajnuna umanitarja fit-Tramuntana ta’ Gaza.

Kelliem għad-Difiża Ċivili ta’ Gaża qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li l-isparar minn Iżrael fera madwar 300 persuna oħra. Iżrael, bħalma jagħmel dejjem, qal li d-dettalji tal-inċident għadhom qed jiġu eżaminati.

Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani (IDF) qalu li t-tiri sparati “kienu tiri ta’ twissija” wara li n-nies ta’ Gaza nġabru madwar trakkijiet tal-għajnuna umanitarja 3 kilometri fil-Lbiċ ta’ Zikim. L-IDF qalet ukoll li ma “kinitx konxja ta’ xi vittmi” mill-isparar tal-Forzi Iżraeljani.

Iżda, skont ma rrappurtat l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li kkwotat lid-direttur tal-Isptar al-Shifa fil-Belt ta’ Gaza, intqal li fil-faċilità tiegħu iddaħħlu 35 katavru wara l-inċident. Aktar tard, l-isptar qal li mill-inqas 48 Palestinjan inqatlu. 

Separatament, sorsi tal-isptar ta’ Gaza qalu li sitt Palestinjani nqatlu ħdejn ċentru ta’ distribuzzjoni tal-għajnuna tal-Fondazzjoni Umanitarja ta’ Gaza (GHF) fiż-żona ta’ Rafah nhar l-Erbgħa filgħodu.

Skont l-uffiċċju tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, aktar minn 1,000 Palestinjan inqatlu mill-militar Iżraeljan waqt li kienu qed jippruvaw jaċċessaw għajnuna għall-ikel minn tmiem Mejju ’l hawn.

Aktar minn 150 persuna mietu minħabba malnutrizzjoni mill-bidu tal-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas fl-2023, inklużi 89 tifel u tifla, irrapporta l-Ministeru tas-sSħħa mmexxi mill-Ħamas ta’ Gaża.

Gruppi ta’ esperti globali tas-sigurtà tal-ikel appoġġjati min-NU wissew li l-agħar xenarju ta’ ġuħ bħalissa qed iseħħ f’Gaza, minkejja li Iżrael din il-ġimgħa ħabbar sensiela ta’ pawżi tattiċi fl-operazzjonijiet militari tiegħu biex jippermetti l-għajnuna tidħol fit-territorju.

Iżrael jgħid li mhux qed jimponi restrizzjonijiet fuq l-għajnuna li tidħol f’Gaza, iżda dan mhux qed jiġi emmnut minn xi nazzjonijiet Ewropej u min-Nazzjonijiet Uniti.

Din il-ġimgħa stess, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres qal li l-ikel, l-ilma, il-mediċina u l-fjuwil iridu jiċċirkolaw malajr u mingħajr xkiel u żied jisħaq li dan “il-ħmar il-lejl irid jintemm.”

Il-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti Steve Witkoff ivvjaġġa lejn Iżrael biex jiddiskuti s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza. Iż-żjara tiegħu qed isseħħ hekk kif il-Kanada segwiet pajjiżi Ewropej fit-tħabbira ta’ pjanijiet biex tirrikonoxxi stat Palestinjan fl-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Settembru. Il-Kanada hi t-tielet nazzjon tal-G7 li se jkun għamel dan.

Jingħad li aktar minn 60,000 Palestinjan inqatlu fil-kampanja militari tal-Iżraeljani f’Gaza minn Ottubru 2023, inklużi 18,592 tifel u tifla u 9,782 mara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport