Sunday, May 5, 2024

3,000 ewro multa talli żamm xadina f’post mhux approvat mill-awtoritajiet

Aqra wkoll

Albert Grima ġie kkundannat 3,000 ewro multa wara li nstab ħati li fit-13 ta’ Jannar 2020 żamm Chlorocebus Sabaeus li hija meqjusa bħala annimal perikoluż f’sit li ma kellux approvazzjoni għalih.

Grima nstab ħati wkoll li żamm l-istess Chlorocebus Sabaeus fi stabbiliment Zoologiku u dan mingħajr ma kien hemm spezzjoni u approvazzjoni mid-Direttur konċernat.

Silvania Cassar Gauci li hija Senior Veterinary Support Officer fix-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li fit-18 ta’ Jannar 2020 kien daħal rapport dwar persuna li kien qed iżomm xadina tat-tip green monkey fil-Mellieħa.

Xhedet li wara spezzjoni li saret u anke verifika nstab li fejn kienet qed tinżamm ix-xadina ma kienux irreġistrati mad-Dipartiment, u dan minkejja li sas-sena 2016 kellha ssir registrazzjoni.

Hija kompliet tgħid li kienet saret spezzjoni oħra fi Frar tal-2022 fejn hemm hi setgħet tosserva lix-xadina tiġi microchipped mill-veterinarju inkarigat mis-sid.

Cassar Gauci qalet li x-xadina kienet miżmuma tajjeb u f’kundizzjonijiet tajbin. Meta kienet tkellmet mas-sid hu kien qallha li kien ġab ix-xadina mingħand xi ħadd ieħor, iżda l-istess xadina ma kientx irreġistrata fuq is-sid l-ieħor lanqas.

Xhud ieħor kien Dr Paul Joseph Portelli – Direttur tas-Servizzi Veterinarji. Hu qal li x-xadini huma meqjusa bħala annimal perikoluż minħabba li jistgħu jmexxu għadd ta’ mard li jaffettwa wkoll lill-bniedem. Xehed li kull min għandu xadina hu obbligat li jirreġistra biex issir verifika minn fejn kienet l-oriġini tagħha.

L-imputat Albert Grima li wkoll xehed quddiem il-Maġistrat spjega li x-xadina spiċċat għandu wara li s-sidien preċedenti tagħha li kienu żewġ nisa riedu jitilqu minn Malta u kienu ddeċidew li jraqqdu lill-istess xadina.

Hu kien offra li żommha għandu, iżda imbgħad kien ġie mitkellem mis-Servizzi Veterinarji fejn informawh li x-xadina trid tkun microchipped u jrid ikollha ġagga fejn tgħix.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia sabet lil Grima ħati li żamm xadina mingħajr il-permessi meħtieġa. Kien għalhekk li kundannatu jħallas multa ta’ 3,000 ewro.

Sport